Futbol Sport

RITRATTI: Atkinson ikabbar il-problemi ta’ Balzan

(Ritratt: Trevor Sollars)

BALZAN………………………… 0   ST. ANDREWS………………… 2

Balzan: S. Sultana, J. Grioli (L. Micallef 72’), E. Serrano Valero, M. Johnson, H. Ascroft, R. Correa (D. Camilleri 57’), M. Lepovic, U. Ljubomirac, A. da Paixao Alves (S. Eddin Arab 88′), A. Majdevac, A. Effiong

St. Andrews: M. Calleja Cremona, A. Brown, T. Blagrove, A. Borg, A. Satariano, J. Farrugia (K. Pulo 84’), K. Mcfarlane, M. Davis, R. Martin, A. Friggieri (K. Magro 76’), K. Atkinson (J. Walker 89’)

Imwissija: A. Brown 55’, A. Borg 60’, K. Mcfarlane 81’, A. Satariano 82’, J. Walker 90’ (S), U. Ljubomirac 81’ (B)

Skorja: K. Atkinson 16’, 44’ (S)

Referee: Emanuel Grech

Assistenti Referees: Paul Apap, Mitchell Scerri

Il-Mument Plejer tal-logħba: Martin Davis (St. Andrews)

Attendenza: 304

Għat-tieni staġun konsekuttiv, St. Andrews għelbu lil Balzan fl-ewwel rawnd, din id-darba b’rebħa meritata ta’ 2-0. St. Andrews kienu attenti f’dak kollu li għamlu, fejn ħallew l-inizjattiva f’idejn Balzan u operaw bil-kontrattakk meta kellhom bżonn fejn ħafna drabi kienu perikolużi.

Balzan dehru tim mingħajr ideat speċjalment fl-attakk, u żgur li b’dawn il-prestazzjonijiet mhux se jkunu qed jisfidaw għar-rebħ tal-kampjonat. Ir-raba’ telfa fil-kampjonat tixhed il-mument diffiċli li Balzan għaddejjin minnu u l-kowċ Micovic għandu biċċa xogħol biex jgħolli l-moral fit-tim.

Kif mistenni, Balzan kellhom l-inizjattiva fl-ewwel minuti tal-logħba iżda fl-ewwel azzjoni denja tal-logħba, kienu St. Andrews li fetħu l-iskor, bir-referee Emanuel Grech jordna penalty wara li Andrija Majdevac deher imiss il-ballun b’idu. Mill-11-il metru KEVAUGHN ATKINSON għeleb lil Steve Sultana b’xutt tajjeb.

Balzan dehru mingħajr ideat, b’St. Andrews jerġgħu jmorru viċin fit-32 minuta b’xutt ta’ Aidan Friggieri li għadda barra. It-tim ta’ Johann Scicluna rdoppja fl-44 minuta, b’Steve Sultana jilqa’ mingħajr ma jżomm kross ta’ Martin Davis mil-lemin, b’KEVAUGHN ATKINSON ikun pront u jixħet fix-xibka minn ċentimetri bogħod.

L-andament fit-tieni logħba baqa’ l-istess bit-tim ta’ Balzan bil-pussess mingħajr ma jkunu perikolużi, filwaqt li St. Andrews joperaw bil-kontrattakk u jkunu ta’ periklu. Fil-50 minuta, Martin Davis laqat il-lasta b’xutt b’saħħtu, biex erba’ minuti wara, Sultana għalaq tajjeb u dawwar f’korner konklużjoni ta’ Atkinson.

Il-ħin kompla għaddej u l-andament baqa’ ma nbidilx, bil-kowċ ta’ Balzan Marco Micovic jagħmel żewġ bidliet fejn introduċa lil Dale Camilleri u lil Lydon Micallef flok Riccardo Correa u Justin Grioli biex ikun aktar offensiv.

Huma resqu viċin fil-71 minuta fl-ewwel periklu serju tal-logħba. Kien kross fil-baxx mix-xellug ta’ Alex da Paixao lejn Andrija Majdevac li kkontrolla u xxuttja fil-lasta, iżda l-ballun kien blokkat tajjeb mid-difensur Alex Satariano. Fl-aħħar minuti, St. Andrews ikkontrollaw lill-avversarji, bit-tim ta’ Balzan donnu jaqta’ qalbu li seta’ jidħol fil-logħba.