Lokali

FILMAT: “L-Air Malta tefgħet il-flus qabel l-interessi umani taċ-ċittadini Maltin”

Grupp ta’ nies li kienu se jirkbu ajruplan minn Napli għal Malta spiċċaw f’sitwazzjoni kerha meta t-titjira ġiet ikkanċellata mill-kumpanija Ryanair minħabba l-maltemp.

Biex jaslu lejn pajjiżna mill-iktar fis possibbli, dawn in-nies kellhom imorru Catania biex isibu l-ewwel titjira lejn Malta, li kellha tkun permezz ta’ ajruplan tal-Air Malta.

Iżda l-istess passiġġieri jinsabu urtati wkoll għall-Air Malta, li tinsab taħt idejn Konrad Mizzi, u jakkużawha li ma ħennitx għaċ-ċittadini Maltin. Spjegaw illi stennew li jiġu trattati aħjar mil-linja tal-ajru nazzjonali ta’ pajjiżna.

Fost dawn Charles Scerri, li kien fost il-Maltin li għaddew minn din l-esperjenza. Jispjega lil NET News illi hi ħaġa tal-mistħija li f’Catania ma kien hemm l-ebda rappreżentant tal-Air Malta.

Scerri u Maltin oħra rnexxielhom jibbukkjaw titjiriet għall-Erbgħa filgħodu iżda iktar tard skoprew li kien għad hemm postijiet disponibbli abbord żewġ titjiriet tal-Air Malta minn Catania, it-Tlieta filgħaxija.

Fid-dawl ta’ dan, talbu lill-Air Malta biex jittrasferulhom il-biljetti għal waħda minn dawn it-tijiriet ladarba l-postijiet disponibbli xorta kienu se jIbqgħu vojta.

Iżda l-Air Malta ma ħennitx għalihom u rċivew biss skuża.

Jispjega li l-Air Malta ddeċidiet li titfa’ l-l-flus qabel l-interessi umani taċ-ċittadini tagħha.

Hu jappella biex f’sitwazzjonijiet bħal dawn, kumpaniji nazzjonali bħall-Air Malta jkunu iżjed umani.