Lokali

Fjamingi jispiċċaw fil-mira tal-kaċċaturi

Ilbieraħ tliet fjamingi li kienu fir-Riserva Naturali tal-Għadira taru mir-riserva. Iżda wara biss ftit minuti tnejn marru lura, wieħed minnhom b’feriti f’għonqu kkaġunati minn tiri ta’ senter. L-ieħor sparixxa u ma rritornax.

BirdLife Malta ħarġu stqarrija fejn ikkundannaw bl-ikrah dan l-aġir fuq tajr protett, bil-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana li sostna li “huwa ta’ qsim il-qalb li tkun taf li nies li qed jingħataw il-privileġġ li joħorġu fil-kampanja bis-snieter ikkargati sabiex jieħdu pjaċir huma qed juru nuqqas ta’ rispett lejn is-soċjetà.”

Sostna wkoll li huma konxji li “ħafna kaċċaturi jikkundannaw inċident bħal dan u anke l-kaċċa illegali mifruxa li għaddejja bħalissa,” imma qal ukoll li “wasal iż-żmien li l-lobby tal-kaċċaturi jitnaddaf minn dawn in-nies darba għal dejjem.”

Fl-istqarrija jingħad li BirdLife Malta se tkompli taħdem mal-imsieħba kollha fosthom il-Pulizija, il-Gvern u l-kaċċaturi nfushom biex jintlaħaq dan il-għan, waqt li tappella lill-Gvern biex iwaqqaf Wildlife Crime Unit li tkun tista’ bis-serjetà tiffoka b’mod esklussiv fuq ir-reati kriminali marbutin man-natura.

Tul l-aħħar 12-il xahar, il-Fjamingi fir-Riserva Naturali tal-Għadira mmexxija minn BirdLife Malta kienu fost l-aktar għasafar popolari li setgħu jgawdu eluf ta’ tfal tal-iskola, familji u turisti li żaru r-riserva.

Sa nhar il-Ħadd stess, meta kien hemm l-open day annwali biex jiġi ċċelebrat il-ftuħ mill-ġdid tar-riservi wara l-waqfa tas-sajf minn tmiem din il-ġimgħa, il-pubbliku attenda bi ħġaru fl-Għadira biex jara l-għaxar Fjamingi li hemm bħalissa f’din ir-riserva naturali.