Inter kisbu s-seba’ rebħa konsekuttiva meta għelbu lil Genoa 5-0. It-tim ta’ Spalletti fetaħ l-iskor wara 14-il minuta b’konklużjoni mill-viċin ta’ ROBERTO GAGLIARDINI, biex irduppjaw żewġ minuti wara b’MATTEO POLITANO jieħu vantaġġ minn indeċiżjoni fid-difiża u għeleb lil Radu. Huma għalqu l-logħba fid-49 minuta, b’xutt ta’ Ivan Perisic ikun maqlugħ parzjalment fuq il-linja, biex reġa’ kien ROBERTO GAGLIARDINI li skorja mill-qrib.
In-Neroazzurri ssiġillaw ir-rebħa b’żewġ gowls lejn it-tmiem. L-ewwel kien JOAO MARIO fil-91 minuta li skorja b’xutt fil-baxx minn fuq il-linja tal-kaxxa l-kbira, biex RADJA NAINGGOLAN skorja l-ħames gowl fl-94 minuta b’daqqa ta’ ras.
Fiorentina u Roma spiċċaw fi draw ta’ 1-1 fi Stadio Artemio Franchi. Il-Viola ngħataw penalty man-nofs siegħa meta r-referee Luca Banti ġġudika li l-gowlkiper Robin Olsen waqqa’ lil Giovanni Simeone fil-kaxxa. Mill-11-il metru JORDAN VERETOUT ma żbaljax.
Roma ġabu d-draw fil-85 minuta meta l-gowlkiper Alban Lafont biegħed parzjalment kross ta’ Kolarov, bil-ballun jispiċċa għand ALESSANDRO FLORENZI li skorja b’xutt mill-ewwel.
Juventus reġgħu jinsabu sitt punti vantaġġ fil-quċċata tal-klassifika b’rebħa ta’ 3-1 kontra Cagliari. Huma kellhom bidu mill-aqwa meta fetħu l-iskor wara 43 sekonda bl-Arġentin PAULO DYBALA jevita żewġ difensur u għeleb lil Alessio Cragno b’xutt bil-lemin fil-baxx. Cagliari ġabu d-draw fis-36 minuta meta Mattia de Sciglio xellef kross mil-lemin b’daqqa ta’ ras, il-ballun spiċċa għand JOAO PEDRO li dar ma’ Joao Cancelo u għeleb lil Szczesny b’xutt fil-baxx.
Iżda l-Bianconeri reġgħu marru fil-vantaġġ żewġ minuti wara bil-midfielder Filip Bradaric jiskorja fix-xibka tiegħu stess, wara kross mix-xellug ta’ Douglas Costa. Juventus għalqu l-logħba fis-87 minuta meta minn kontrattakk veloċi, Cristiano Ronaldo qassam lejn JUAN CUADRADO li minn quddiem Cragno ma żbaljax.
//= $special ?>