Minkejja li ħa jirtira fi żmien ftit jiem, l-Imħallef Antonio Mizzi qed ikompli jippersisti li jisma’ l-appelli kriminali li s-seba’ persuni suspettati, fosthom il-Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi, għamlu biex ma ssirx l-inkjesta kriminali dwar il-Panama Papers hu stess.
Dan ifisser illi hemm possibbiltà illi Mizzi jkun l-Imħallef li jiddeċiedi fuq l-appell li sar mill-Prim Ministru, Keith Schembri u Konrad Mizzi flimkien man-negozjanti Brian Tonna, Karl Cini, Malcolm Scerri u Adrian Hillman. Każ li beda wara li kien instab illi hemm biżżejjed biex tinfetaħ inkjesta.
Kien id-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil li oriġinarjament talab ir-rekuża tal-Imħallef Antonio Mizzi mill-inkjesta dwar din l-inkjesta fuq bażi li hemm kunflitt għaliex jiġi r-raġel tal-Membru Parlamentari Ewropea Laburista Marlene Mizzi.
Din it-talba għar-rekuża kienet intlaqgħet, iżda l-Qorti Kostituzzjonali bidlet id-deċiżjoni u ddikjarat li Antonio Mizzi m’għandux ikun rekużat milli jiddeċiedi l-appell tal-kawża tal-Panama Papers – kawża li fetaħ Simon Busuttil innifsu fis-Sajf ta’ sena ilu.
Dan kien sar hekk kif Marlene Mizzi qatt ma ddejjqet turi pubblikament dak li tħoss fil-konfront ta’ Simon Busuttil b’attakki ripetuti fil-midja u fuq il-midja soċjali.
Simon Busuttil issa se jkun qed iressaq dan il-każ quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu.
Ta’ min isemmi illi sa Ġunju illi għadda, Mizzi kellu taħt idejh 150 appell kriminali illi dwarhom lanqas kienet għadha ngħatat data ta’ meta ser jinstemgħu. Uħud minnom ilhom aktar minn sena jistennew għal data.
Iżda minflok indirizza din il-lista twila ta’ każi pendenti, Mizzi qed jibqa’ jippersisti li jisma’ l-appelli kriminali biex ma tinstemax l-Inkjesta akkost ta’ kollox.
Il-każijiet pendenti ta’ Mizzi issa ġew mgħoddija lill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, b’Mizzi jżomm biss din l-inkjesta.
//= $special ?>