Internazzjonali

L-Iran iħejji għas-sanzjonijiet fost kundanna għall-Istati Uniti

Il-Mexxej Suprem tal-Iran, l-Ayatollah Ali Khamenei, qal li l-politika tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump qed tqanqal l-oppożizzjoni minn madwar id-dinja. Dan fi żmien meta Washington qed iħejji biex jimponi mill-ġdid ‘is-sanzjonijiet antiki kollha’ għas-setturi finanzjarji u għall-esportazzjoni taż-żejt tal-Iran.

Khamenei sostna, waqt diskors lil eluf ta’ studenti, li l-Istati Uniti ‘falliet fl-isforzi biex tiddomina lill-Iran’ minn żmien ir-rivoluzzjoni Iżlamika tal-1979 li kkonfermat pajjiżu bħala Stat Musulman u li keċċiet lill-eks-Shah (alleat ta’ Washington) mill-poter.

It-tensjoni bejn l-Iran u l-Istati Uniti tinsab f’livell akut meta l-Amerikani, mit-Tnejn, se jintroduċu mill-ġdid is-sanzjonijiet fuq il-bejgħ taż-żejt mill-Iran li hu sors importanti ta’ introjtu għall-pajjiż Iżlamiku.

Is-sanzjonijiet, li se jolqtu wkoll lis-settur bankarju tal-Iranjani, għandhom il-ħsieb li jisfurzaw lill-Iran f’negozjati bil-għan li r-reġim ta’ Khamenei iżarma l-programmi tiegħu għall-enerġija nukleari u l-missili ballistiċi, filwaqt li jtemm l-appoġġ tiegħu għal ‘entitajiet speċifiċi’ involuti f’numru ta’ konflitti madwar il-Lvant Nofsani.

Madankollu, l-Istati Uniti ‘se tippermetti’ li tmien pajjiżi li qed jimportaw iż-żejt mill-Iran jibqgħu jixtru r-riżors fuq bażi temporanja ladarba s-sanzjonijiet jidħlu fis-seħħ.

Dan meta l-Iran hu t-tielet l-akbar esportatur taż-żejt fid-dinja.

Ħafna mis-sanzjonijiet internazzjonali fuq l-Iran kienu tneħħew, fl-2016, taħt ftehim storiku li l-Istat Iżlamiku kien iffirma mal-potenzi tad-dinja matul is-sena preċedenti.

Taħt dan il-ftehim, l-Iran kellu jrażżan il-programm għall-irraffinar tal-uranju li ħafna kienu jqisu bħala ‘impenn moħbi għall-produzzjoni ta’ bomba atomika’.

Sadanittant, il-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, Mohammed Javad Zarif, tkellem, fl-aħħar sigħat, mal-Kap tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea, Federica Mogherini u mal-Ministri tal-istess dekasteru mill-Ġermanja, l-Iżvezja u d-Danimarka, fejn trattaw ‘il-miżuri mill-Ewropa biex jibbilanċjaw is-sanzjonijiet tal-Amerikani.’