Lokali

Mara ssofri ġrieħi gravi waqt li oħra ssofri ġrieħi ħfief f’inċident tat-traffiku

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Kmieni dalgħodu, għall-ħabta tad-9:15AM, żewġ nisa’ kienu nvoluti f’inċident tat-traffiku fi Triq Xatt Pinto, il-Furjana.

Iż-żewġ passiġġieri ttieħdu l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza fejn aktar tard mara ta’ 56 sena ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi ta’ natura ħafifa filwaqt li l-mara ta’ 51 sena ġiet iċċertifikata li qiegħda ssofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.

Il-Pulizija marru minnufih fuq il-post fejn mill-ewwel stħarriġ li sar, irriżulta li għal xi raġuni seħħ impatt bejn Fiat Punto, misjuqa minn mara ta’ 36 sena residenti l-Belt, u tal-linja tat-tip Mercedes misjuqa minn raġel ta’ 39 sena mill-Ghana u residenti Raħal Ġdid. Fil-Fiat kien hemm il-mara ta’ 56 sena residenti l-Belt u fuq tal-linja kien hemm ukoll il-mara ta’ 51 sena residenti Birkirkara li sofrew il-ġrieħi.