Internazzjonali

Mejtin u midruba waqt sparatura fi studjo tal-yoga fi Florida

L-awtoritajiet fi Florida, fl-Istati Uniti, qed jinvestigaw sparatura ġo kumpless fejn isiru l-eżerċizzji tal-yoga u li ħalliet talanqas żewġ nisa mejtin u ħamsa oħra midruba.

L-aggressur responsabbli, li kien identifikat bħala Scott Paul Beierle, qabad u spara fuq in-nisa ftit wara li kien daħal fl-istudjo, fl-inħawi ta’ Tallahassee. Beierle, imbagħad, spiċċa joqtol ruħu b’idejh, bl-istess arma li kien qed juża.

Il-pulizija, issa, qed jinvestigaw ir-raġuni wara l-isparatura. Dan wara li l-pulizija li wieġbu minnufih għall-allert sabu lill-aggressur mejjet fl-art, fost l-istraġi.

Uħud mir-rapporti qalu li l-midruba kollha sofrew feriti minn tiri ta’ arma u li talanqas persuna ‘qalgħet id-daqqiet b’manku ta’ pistola’.

L-awtoritajiet tal-Pulizija anki rakkuntaw li kien hemm indikazzjonijiet li numru ta’ persuni fl-istudjo ‘ippruvaw jirreżistu lir-raġel armat bil-għan li jsalvaw lilhom infushom u ħaddieħor’. L-aħħar rapporti, intant, qalu li talanqas tnejn mill-midruba kienu għadhom rikoverati l-isptar.

Is-Sindku ta’ Tallahassee, Andrew Gillum, li qed jikkuntesta għall-kariga ta’ Gvernatur ta’ Florida f’isem il-Partit Demokratiku, fl-aħħar sigħat, kien qed jirritorna f’Tallahassee wara li waqqaf ħesrem avveniment marbut mal-kampanja tiegħu.

Gillum, fl-ewwel kummenti wara l-isparatura, qal li l-ebda vjolenza bl-armi mhi aċċettabbli u li hu kien qed jikkomunika mal-uffiċjali għall-ħarsien tal-liġi fost l-investigazzjonijiet intensivi fil-post tar-reat.