Lokali

FILMAT: Minuri fost dawk arrestati wara li aggredew lil Liam Debono

Il-Pulizija arrestat ħames persuni, inkluż minuri li mistennija jiġu akkużati li aggredew liż-żagħżugħ Liam Debono barra l-post tax-xogħol tiegħu f’Ħal Luqa.

Il-każ seħħ il-Ġimgħa wara nofsinhar, għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ waranofsinhar, meta Debono sab ħamsa jistennewh, daruh u qabdu jtuh.

L-ewwel investigazzjonijiet juru li l-argument aktarx beda fil-jiem preċedenti dwar tfajla, u wassal biex Debono stess sfida lil min kellu xi jgħid miegħu għall-ġlied.

Jidher li l-isfida ntlaqgħet, iżda min kellu l-argument ħa miegħu wkoll lil sħabu biex daru lil Debono u qabdu jtuh. Dan wassal biex Liam spiċċa b’diversi tbenġil b’mod speċjali f’wiċċu.

Hu ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura iżda ffirma biex ikun jista’ jitlaq. Wara għamel rapport lill-Pulizija qabel tella’ ritratt fuq il-midja soċjali fejn kiteb: “Ħamsa kontra wieħed, haha, tajba din.”

Il-ħames persuni mistennija jitressqu l-Qorti fis-sigħat li ġejjin.

Liam Debono, li qed jaffaċċja lista twila ta’ akkużi f’każ separat, fost oħrajn l-attentat ta’ qtil tal-Pulizija Simon Schembri, ix-xahar li għadda kien ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €40,000.