Lokali

Wara t-taħwida mit-tmexxija tal-MCAST: il-lecturers jitħallsu l-paga mnaqqsa nġustament

Wara li madwar 400 lecturer u ħaddiema oħra fil-gradi ta’ tagħlim fl-MCAST kellhom il-paga mnaqqsa b’mod goff u inġust, it-tmexxija tal-MCAST irrikonoxxiet il-froġa li saret u l-lecturers tħallsu l-paga li kienet imnaqqsa nġustament.

Il-Ġimgħa li għaddiet, il-ġurnal IN-NAZZJON żvela li diversi lecturers ipprotestaw mat-tmexxija tal-Kulleġġ wara dan it-tnaqqis goff mill-paga bażika, iżda l-unika raġuni li ngħataw kienet li fix-xahrejn ta’ qabel, “tħallsu arretrati żejda” u għaldaqstant sarilhom tnaqqis fil-paga bażika sabiex tagħmel tajjeb għal dak li – skont it-tmexxija tal-kulleġġ – “tħallas żejjed”.

Il-lecturers u gradi oħra sofrew tnaqqis ta’ bejn €600 u €900 u ħafna minnhom spiċċaw lampa stampa hekk kif iridu jmantnu familji  u jħallsu l-pagamenti ta’ kull xahar.

Il-kwistjoni tmur lura għal dan is-Sajf meta kien iffirmat il-ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-MCAST bejn il-Gvern u l-Union tal-Għalliema (MUT). Minn dak iż-żmien, seħħet taqliba sħiħa fit-tmexxija tal-MCAST.

Sorsi qalulna li fl-isfond ta’ dan it-taqlib kollu, uffiċjali fl-Uffiċċju tal-Finanzi tal-MCAST, li ma kienux involuti fin-negozjati u l-eventwali ftehim kollettiv, qed jinterpretaw il-klawżoli finanzjarji, speċifikament l-arretrati dovuti, b’mod ħażin. Dawn l-istess uffiċjali, mingħajr ebda direzzjoni, ddeċidew li l-arretrati li tħallsu żejda u qabdu qatgħu id-differenza mill-paga li jmiss. Il-Ġimgħa li għaddiet, Net News kien għamel ukoll kuntatt mal-MCAST sabiex jagħtuna l-verżjoni tal-Kulleġġ iżda ma ngħatat ebda tweġiba.