Għal Knisja Maltija, t-tfal huma fiċ-ċentru tal-ħidma tagħha, mhux biss f’dak li għandu x’jaqsam ma’ tagħlim imma ukoll f’dak li għandu x’jaqsam ma’ parteċipazzjoni attiva li jagħmel il-Knisja Maltija waħda ħajja.
Il-Kummissjoni Djoċesana Tfal fi ħdan il-knisja Maltija għandha dan bħala l-għan ewlieni tagħha: dak li tisma’ l-vuċi tat-tfal u twassal l-opinjonijiet tagħhom dwar x’jista’ jagħmel il-Knisja aħjar u aktar viċin tal-poplu. Din il-Kummissjoni hija magħmula minn tfal ġejjin mill-parroċċi kollha ta’ Malta u li ta’ spiss jiltaqgħu biex jiddiskutu dak li jixtiequ jaraw aħjar, saħansittra ma’ l-Arċisqof Charles J. Scicluna innifsu.
Nhar is-Sibt li ġej pero’ dan l-invit se jkun miftuħ għat-tfal ta’ Malta kollha; invit għal attivita’ organizzata apposta għalihom fil-Kottonera. Il-Kummissjoni Djoċesana Tfal ħasbet biex din is-sena torganizza Treasure Hunt madwar it-tlett ibliet: l-Isla, Bormla u l-Birgu. It-tema magħżula hija Finding All You Need in Jesus. It-tfal kollha huma mistiedna biex fid-9 ta’ filgħodu jinġabru fil-bażilika tal-Isla għal quddiesa flimkien mal-Arċisqof u wara tibda t-treasure hunt. Din tintemm għal ħabta tas-sagħtejn ta’ wara nofs in-nhar fil-knisja tal-Kalkara fejn lit-tfal hemm jistennewhom bosta sorpriżi.
Għal din l-attivita’, t-tfal huma mħeġġa jingħaqdu f’timijiet, b’superviżjoni minn adulti. Din it-treasure hunt se tieħu lit-tfal fl-aktar irkejjen u toroq storiċi ta’ pajjiżna, u allura apparti li hija attivita’ ta’ divertiment, hija attivita’ li se tressaq lit-tfal qrib il-kultura u l-istorja rikka ta’ pajjiżna.
Dawk li jixtiequ jattendu huma mitluba jibagħtu imejl bin-numru ta’ parteċipanti kemm tfal u kemm adulti fuq info.kdt@maltadiocese.org jew inkella jċemplu fuq 9984 6310 għal aktar informazzjoni.
//= $special ?>