Futbol Sport

FILMAT: Leicester ikomplu jisirqu l-qlub tad-dilettanti tal-futbol

(Ritratt: Premier League)

L-istaġun 2015/2016 żgur li se jibqa’ mnaqqax fl-istorja tal-futbol Ingliż wara li b’sorpriża kbira, tim modest bħal Leciester kien rebaħ il-Premier League għall-ewwel darba. F’dak l-istaġun, il-maġġoranza assoluta tad-dilettanti tal-futbol riedu lil Leicester jirbħu l-kampjonat u fl-aħħar logħbiet ta’ dak l-istaġun, Leicester u l-partitarji tagħhom bdew jemozjonaw ukoll lil dawk li bdew jarawhom.

Jgħaddu ftit aktar minn sentejn u Leicester reġgħu ġibdu l-ammirazzjoni tad-dilettanti tal-futbol iżda għal raġunijiet differenti. Ġimgħa ilu, ħelikopter waqa’ ftit passi bogħod mill-King Power Stadium, b’ħames persuni abbord fosthom is-sid tal-klabb Vichai Srivaddhanaprabha.

Din il-ġimgħa kienet diffiċli għall-klabb kollu u l-partitarji, iżda l-kulminu ntlaħaq fl-ewwel logħba uffiċjali minn din it-traġedja kontra Cardiff. Minbarra r-rebħa, fil-minuta silenzju ta’ qabel il-logħba, il-plejers kollha u l-istaff kollu tal-klabb ħarġu f’nofs il-grawnd u wara ngħaqdu kollha forma ta’ ċirku.

Iżda wara l-logħba, l-istess persuni marru quddiem il-partitarji jċapċpu għal madwar ħames minuti. Il-partitarji bdew ikantaw kori tal-klabb u favur Vichai Srivaddhanaprabha, mument li żgur min rah emozzjonah.