Internazzjonali

Ħerba mill-maltemp fi Sqallija

L-Italja kompliet tinħakem minn maltemp qalil, u din id-darba, l-agħar kien fi Sqallija, fejn 12-il persuna tilfu ħajjithom – disa’ minnhom mill-istess familja.
Hekk, tul il-ġimgħa li għaddiet kien hemm 30 persuna li tilfu ħajjithom minħabba l-maltemp fl-Italja.
Dan hekk kif hemm sitt reġjuni Taljani li jinsabu fuq l-ogħla allert minħabba l-maltemp.
Il-katavri ta’ disa’ persuni nstabu fid-dar tagħhom f’Casteldaccia, f’Palermo, Sqallija. Dan wara li xmara li hemm fil-qrib faret minħabba x-xita li qed tagħmel. Fost il-vittmi hemm tarbija ta’ sena u żewġt itfal ta’ tliet snin u 15-il sena. Kien hemm tliet membri tal-istess familja li irnexxielhom isalvaw.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, l-għargħar wasslu biex ħafna toroq jingħalqu u l-iskejjel ma fetħux, u l-istess il-parkijiet pubbliċi madwar l-Italja.
L-Italja kienet tul il-ġimgħa kollha li għaddiet maħkuma minn maltemp qalil, speċjalment fit-Tramuntana u madwar Venezja. B’kollox aktar minn 30 persuna tilfu ħajjithom u saret ħsara materjali kbira.
Ir-riħ u l-għargħar qaċċtu aktar minn miljun siġra u l-uffiċjali qalu li hemm bżonn seklu sħiħ sakemm titranġa l-ħsara li saret f’dan il-maltemp.
Il-port turistiku ta’ Portofino, qrib Genova, issa hu iżolat wara li t-triq ewlenija kkrollat minħabba l-għargħar.
L-esperti tat-temp Taljani qalu li dan it-temp hu l-agħar li qatt ra l-pajjiż f’dawn l-aħħar 60 sena.