Minn sptar navali li jikkura l-baħrin, Villa Bighi fil-Kalkara llum tittratta bċejjeċ tal-arti silenzjużi li wieħed isib fil-kollezzjoni nazzjonali. Dawn il-laboratorji tar-Restawr u Konservazzjoni ta’ Heritage Malta fetħu l-bibien tagħhom għall-pubbliku l-Ħadd biex jara mill-viċin l-importanza ta’ dan ix-xogħol ta’ restawr u konservazzjoni.
Dan apparti li wieħed seta’ japprezza dawn l-artifatti prestiġġjużi u jifhmu aħjar il-valur tagħhom. B’hekk jibqgħu protetti u jitgawdew mill-ġenerazzjonijiet futuri. F’waħda mil-laboratorji li żorna, iltqajna mar-restawratur David Bugeja li tkellem magħna fuq ix-xogħol ta’ restawr li għaddej fuq il-kwadri u l-istatwi prezzjużi tal-Mużew tal-Arti, hekk kif għaddej proċess ta’ trasferiment għall-Mużew il-ġdid ‘Il-Muża’:
“Waqt li kien magħluq il-mużew, ovvjament ħadna l-opportunità li nintervjenwu fuq il-bċejjeċ t’arti li għandna fil-pajjiż. Dawn huma kollha kollezzjoni nazzjonali u prattikament kollha ġejjin mill-mużewijiet. B’hekk għamilna dak kollu li kien hemm neċessarju hekk kif titlob l-etika tar-restawr. Din is-sena għamilna ammont konsiderevoli, ’il fuq minn 100 kwadru iġifieri. Ankè f’dan il-laboratorju speċifiku fost diversi, iffokajna fuq pittura u statwi polikromi u filfatt wasalna fl-istadji finali.”
Ma setax jonqos it-trattament delikat fuq ċerti xogħlijiet:
“Kien hemm bċejjeċ li kellhom bżonn interventi drastiċi, fejn letteralment kellhom anki tiċrit, nuqqas ta’ żebgħa, verniċ skur ħafna u żebgħa li mhix oriġinali. Kellna l-opportunità li neżimnawhom sew anki b’mod xjentifiku u nagħmlu dak kollu li kien hemm bżonn.”
F’laboratorju ieħor sibna lir-restawratriċi Lindsay Galea taħdem fuq xogħlijiet tal-arti fuq il-karta:
“Qed nikkonservaw per eżempju dan l-iskeċċ ta’ Antonio Sciortino fuq materjal acid free. F’dan il-laboratorju nikkonservaw ukoll inċiżjonijiet, flat works, tpinġijiet, kotba, ġilda, parċmina, dak kollu li jikkonċerna materjali book binding.”
Apparti dan is-servizz, il-Laboratorji tar-Restawr u Konservazzjoni f’Bighi jipprovdu wkoll servizzi ta’ dijanjosi xjentifiċi lill-mużewijiet u siti ta’ Heritage Malta.
//= $special ?>