Lokali Saħħa

“Il-Gvern ma jridx jagħtina dak li hu tagħna”

Il-Kamra Mortwarja - Ritratt: Matthew Tabone
"Aħna litteralment minsijin u meħudin for granted"

“Aħna qegħdin grupp żgħir ta’ ħaddiema li naħdmu fil-Kamra Mortwarja tal-Isptar Mater Dei u fil-Kamra Mortwarja tal-Isptar f’Għawdex… għax qegħdin ftit ħadd ma jagħti kasna… u dan minkejja x-xogħol diffiċli u perikoluż li aħna qegħdin fih… xogħol li anki lilna minn xi drabi jġibna viċin il-mewt… l-aktar meta taħdem fuq xi katavru li wara jirriżulta li kellu xi kundizzjonijiet serja.”

Din id-dikjarazzjoni għamilha ma’ il-mument ħaddiem li jservi fil-Kamra Mortwarja tal-Isptar Mater Dei li qalilna li huma ilhom ħafna jirsistu mal-Ministeru tas-Saħħa biex itejbilhom il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

“Imma aħna għaliex qegħdin ftit litteralment minsijin u meħudin forgranted. Tkellimna fuq li tkellimna imma qatt ma ġara xejn konkret biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħna.”

Dan il-ħaddiem kompla li minkejja x-xogħol perikoluż tagħhom jinsabu fi skali ‘l isfel fiċ-Ċivil u dak li jridu huma hu li xi ħadd jirrikonoxxi x-xogħol siewi tagħhom fil-Kamra Mortwarja biex iħejju l-katavri għad-difna, u hekk jagħtihom dak kollu li jixirqilhom u li ħaqqhom.

Qalilna li hemm ħaddiema fiċ-Ċivil fejn ix-xogħol ma hux perikoluż u delikat u ta’ responsabbiltà daqs tagħhom, iżda mbagħad dawn il-ħaddiema qegħdin fi skali aktar ‘il fuq minnhom.

“Din aħna nqisuha bħal inġustizzja kbira magħna. Aħna niġu wiċċ imbwiċċ ma’ kull katavru li jidħol fl-Isptar Mater Dei jew fl-Isptar ta’ Għawdex. Irridu nħejju lil kull katavru jkun f’liema sitwazzjoni jkun. Ġieli mmorru għal katavri fi djar jew f’postijiet oħrajn għaliex il-Pulizija ma jkunux iridu li jirtirawh huma għaliex tali katavri jkunu fi stat ta’ dekompożizzjoni.

“Aħna ma nilmentawx li nagħmlu dan ix-xogħol. Meta dħalna għal dan ix-xogħol konna nafu għal xiex deħlin. Iżda li ħadd ma jirrikonoxxi x-xogħol tagħna u l-Gvern ma jridx jagħtina dak li bi dritt hu tagħna, mhux sew.”

Dan il-ħaddiem, li insista fuq l-anonimità, kompla jenfasizza li għal dawn l-aħħar jiem bħala protesta għal dan il-ħaddiema fil-Kamra Mortwarja ma kenux qed jirrispondu t-telefon. Dan anki fuq ordni tal-Union li tirrappreżentahom. Issa daħlu fis-seħħ ukoll direttivi oħrajn, fosthom li l-katavri ma jinħarġux biex il-qraba tagħhom imorru jsellmulhom jekk mhux dak il-ħin li l-katavru jkun se jħalli l-Kamra Mortwarja fi triqtu lejn id-difna.

Dan il-ħaddiem żied li dan issa qiegħed iwassal għal sitwazzjoni ta’ perikli ġodda għalihom il-ħaddiema għaliex bir-raġun kollu l-familjari li jkollhom l-għeżież tagħhom hemmhekk u jkunu jridu jagħtuhom l-aħħar tislima, ikunu jridu li jinħarġilhom il-katavru biex jagħmlu ftit tal-ħin waħidhom magħhom.
“Id-direttiva tal-Union hi biex dan kollu ma jsirx u issa qed niffaċċjaw familjari li ma jifhmux il-pożizzjoni tagħna bir-riżultat li dawn jinkorlaw u jkun hemm min kważi jaħbat għalina.”

Dan il-ħaddiem fisser li l-awtoritajiet, f’dan il-każ il-Ministeru tas-Saħħa li spiss jiftaħar bl-avvanzi li għamel fis-settur tas-Saħħa u b’risq id-diversi ħaddiema li jservu fl-isptarijiet, għandu jibda jagħti widen ukoll għat-talbiet tal-ħaddiema li jservu fil-Kamra Mortwarja tal-Isptar Mater Dei u f’dik tal-Isptar ta’ Għawdex.

Dan il-ħaddiem qalilna li x-xogħol tagħhom sar diffiċli ħafna llum il-ġurnata b’każijiet issa spissi ta’ katavri li wara jirriżulta li jkunu f’ċerti sitwazzjonijiet ta’ mard qattiel… bħall-maninġite.
Barra minn hekk huma jagħmlu x-xogħol kollu meħtieġ marbut ukoll mal-awtopsji. “Ix-xogħol hu diffiċli ħafna u aħna li qed nitolbu hu biss stima u rikonoxximent għal dak li qed nagħmlu,” temm jgħid dan il-ħaddiem.