Lokali

Imfakkra l-membri mejtin tal-Korp tal-Pulizija

Għalina l-Maltin ix-xahar ta’ Novembru, b’mod partikolari l-ewwel Ħadd tax-xahar, iġorr miegħu rabta sinifikati; l-memorja ta’ dawk il-qraba u ħbieb tagħna li ħallewna u għaddew għall-ħajja ta’ dejjem.

Matul dan ix-xahar, iċ-ċimiterji jkunu mimlija bin-nies li jmorru jżuru l-oqbra fejn ikun hemm midfuna l-qraba u l-ħbieb tagħhom. L-atmosfera ta’ silenzju li nsibu fiċ-ċimiterji, tkun miksura biss minn xi tisfira ta’ xi għasfur jew inkella mit-talb li jsir għar-ruħ ta’ dawk midfuna.

Fiċ-ċimiterju tal-Addolorata, fost il-ħafna oqbra, nsibu l-qabar tal-Korp tal-Pulizija li fih insibu midfuna diversi membri tal-Korp. Ta’ kull sena, nhar l-ewwel Ħadd ta’ Novembru, l-Korp tal-Pulizija jorganizza quddiesa b’sufraġju għall-erwieħ tal-pulizija mejtin.

Il-quddiesa fil-kappella taċ-Ċimiterju tal-Addolorata tmexxiet mill-Kappillan tal-Korp u għaliha attendew bosta membri tal-Korp immexxija mill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar. Preżenti ukoll kien hemm il-Ministru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Michael Farrugia.

Wara l-quddiesa saret ċerimonja ħdejn il-qabar tal-Korp u salut minn sezzjoni tal-Korp b’turija ta’ rispett lejn il-membri tal-Korp li ħallewna.