Lokali

L-Ambaxxata Amerikana twissi dwar il-perikli f’Paceville

Avviż ta’ allert maħruġ mill-Ambaxxata Amerikana f’Malta jwissi liċ-ċittadini madwar id-dinja dwar il-perikli li jeżistu fiż-żona ta’ Paceville. Dan l-avviż li nxtered mal-erbat irjieħ tad-dinja jiddeskrivi lil Paceville bħala post mingħajr sigurta’ ta’ xejn, post li fih jiġi kkunsmat ammont eċċessiv ta’ alkoħol kif ukoll post li fih ir-rata ta’ kriminalita’ hija għolja ħafna. L-appell isemmi saħansitra kemm din iż-żona f’pajjiżna hija bejta ta’ attivita’ illegali ta’ droga, vjolenza kif ukoll jiddeskrivi l-bouncers li jaħdmu f’din iż-żona bħala persuni li faċilment jaqilgħu l-inkwiet.

Biex isaħħaħ dawn l-argumenti, l-appell isemmi l-qtil tal-imprenditur Hugo Chetcuti kif ukoll l-attakk li sofra ċittadin Amerikan minn bouncer li jaħdem fi stabbiliment f’Paceville.

F’dan l-appell, iċ-ċittadini ingħataw ukoll pariri dwar x’għandhom jagħmlu jekk isibu ruħhom f’Paceville fejn fost l-oħrajn qed ikun suġġerit biex wieħed joqgħod attent fejn jimxi kif ukoll biex jevita konfrontazzjonijiet.

Dawn it-tipi ta’ appelli u avviżi, li llum bil-midja soċjali jinfirxu mad-dinja f’ħakka t’għajn iwasslu biex jagħmlu ħafna ħsara lil pajjiżna. U hu għalhekk importanti li tissaħħaħ aktar is-sigurta’ u jkun hemm aktar infurzar f’Paceville ħalli jkun assigurat is-serħan tal-moħħ.