Lokali

L-ebda pjan mill-Gvern biex isolvi l-problemi li qed joħloq

“Il-Gvern ma jridx jammetti dak li qed iħoss kulħadd u ma ppreżenta l-ebda pjan għal pajjiżna fil-budget.” Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista fuq NET FM.

Hu qal li f’Malta għandna r-raba’ l-aktar arja maħmuġa fl-Ewropa bil-konsegwenza ta’ mard respiratorju u n-nefqa ta’ ħafna familji fuq inhalers għall-adulti u t-tfal. Imma l-Gvern mhux jagħraf u jipprova jsolvi din il-problema.

Adrian Delia qal li fl-ambjent ukoll għandna problema enormi fl-iskart. Hu sostna li żgur m’hawn ħadd li jgħid li fl-aħħar ħames snin l-ambjent mar ‘il quddiem.

Bl-istess mod, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista il-Gvern mhux jammetti l-għoli tal-prezzijiet f’ħafna prodotti essenzjali bħall-prodotti tal-ħalib. Waqt li l-Gvern f’Jannar se jagħti żieda ta’ €2.33 fil-ġimgħa, biż-żieda fil-prezzijiet diġà ħa din iż-żieda minn filgħodu. Dan apparti taxxi oħrajn li l-Gvern idaħħalhom matul is-sena.

Adrian Delia qal li wara d-diskorsi tal-Ministru tal-Finanzi u tal-Prim Ministru, il-Gvern kien bla pjan u baqa’ bla pjan. Dan għaliex il-budget ma jindirizzax il-problemi li ħoloq il-Gvern stess bil-policy ekonomika tiegħu li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni u mhux bil-produzzjoni. Il-Gvern ma ta l-ebda direzzjoni għall-edukazzjoni, l-infrastruttura, is-saħħa, industriji ġodda li Malta għandha bżonn u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Adrian Delia tkellem dwar l-ammissjoni li għamel Joseph Muscat fuq l-istazzjon nazzjonali meta kkonferma li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma qed jinħarġu ħażin u li allura l-Gvern qed jisraq lill-familji. Il-Prim Ministru ammetta dan wara xhur sħaħ ta’ ċaħdiet.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li peress li dan huwa Gvern bla pjan, il-familji se jkollhom jibqgħu jistennew u l-Gvern ma ta l-ebda garanzija li jrodd lura l-flus li seraqhom. Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista mhux biss tkellem imma wkoll aġixxa dwar din il-problema li qed tolqot 80 % tal-familji. Hu qal li Gvern ġdid Nazzjonalista jkun qed jagħti lura l-flus kollha li l-familji nsterqu mill-Gvern fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Fl-intervent tiegħu, Adrian Delia tkellem ukoll dwar ir-rapport Doing Business tal-Bank Dinji. Dan għadu kemm ħareġ u juri kif il-Gvern falla milli jnaqqas il-burokrazija kif kien wiegħed qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013 u kif suppost seħħ bil-ħatriet ta’ Segretarja Parlamentari u wkoll Kummissarja.

F’dan ir-rapport tal-Bank Dinji, Malta ġiet l-aħħar fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea dwar kemm hu faċli li tiftaħ u tagħmel negozju f’Malta. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hemm diversi diffikultajiet imsemmijin fir-rapport tal-Bank Dinji biex wieħed jagħmel business f’Malta u waħda minnhom hi d-diffikultà biex wieħed jissellef. Adrian Delia qal li mad-diffikultajiet imsemmijin fl-istudju tal-Bank Dinji hemm ukoll il-fatt li l-Gvern għamel sistema li, flok tħaffef il-business, iġġiegħel lill-investitur jittallab waqt li għarraq ir-reputazzjoni ta’ Malta.

Gvern tal-paroli qed ipoġġi lil Malta l-aħħar fl-Ewropa anke f’dan il-qasam, qal Adrian Delia.