Lokali

MUSCAT ILESTI RE-SHUFFLE: Robert Abela se jingħata promotion għall-Kabinett

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qagħad fuq il-parir tal-Kitchen Cabinet tiegħu u se jinnomina lill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo bħala t-12-il President tar-Repubblika ta’ Malta.

Għalkemm xejn uffiċjali u bl-inqas konsultazzjonijiet possibbli ma’ dawk viċin tiegħu – inkluż Ministri fil-Kabinett – il-Prim Ministru Joseph Muscat irid li b’hekk ikun warrab lill-Ministru Evarist Bartolo minn saqajh kif erba’ snin u nofs ilu kien għamel fil-konfront tal-eks Ministru Marie-Louise Coleiro Preca li wkoll kien innominaha għall-President ta’ Malta biex hekk ma baqgħetx tifforma parti mill-Kabinett tal-Ministri.

Nifhmu li l-familja tal-Ministru Bartolo diġà hi infurmata b’din id-deċiżjoni tal-Prim Ministru tant li s-Sinjura Bartolo bdiet issegwi numru ta’ laqgħat fid-diplomazija f’Londra.

Prinċipalment dak li qiegħed ixekkel l-aktar lill-Ministru Evartist Bartolo minn tali kariga – għalkemm hu jgħid li la fittixha u anqas wisq iridha – hu l-fatt li bħalissa għaddejjin proċeduri kriminali fil-Qorti dwar allegati korruzzjoni minn dak li kien viċin ħafna tiegħu…ċioè Edward Caruana li kien kanvasser tal-istess Evarist Bartolo. Hekk kif il-proċeduri kriminali fil-Qorti għadhom għaddejjin, qabel mal-każ kien saħansitra tressaq quddiem il-Qorti kien rapportat kif kien qed isir minn kollox biex jibqa’ moħbi dan l-allegat każ fejn kienet ukoll qed issir pressjoni fuq il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada biex dan iżomm kollox fil-moħbi, minkejja li l-Ministru Evarist Bartolo kien ilu jaf b’dan l-allegat każ minn diversi xhur qabel.

Tajjeb li llum infakkru kif dan kollu kien ġie żvelat minn Philip Rizzo li f’ittra datata fl-1 ta’ Diċembru 2016, irriżenja mill-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada, għax, fi kliemu, teżisti wisq differenza fl-etika u fil-mod kif għandha titħaddem il-liġi bejnu u l-Ministru Bartolo. Fl-ittra kien qal ukoll li tilef kull fiduċja fil-Ministeru.

Sadattant, fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu tajjeb li jkun stabbilit li t-tluq ta’ Evarist Bartolo mill-Kabinett tal-Ministri se joħloq lill-Prim Ministru l-possibbiltà ta’ ċaqliq li dwaru l-istess Kitchen Cabinet ilu ħafna jinsisti li jsir.

Indikazzjoni qawwija hi li l-vojt ta’ Evarist Bartolo minn Ministru tal-Edukazzjoni jista’ jimtela’ mill-Avukat Robert Abela tant li diġà hemm min qiegħed jinkoraġġih li jidħol għal dan ir-rwol.
Din il-gazzetta llum tista’ tiżvela kif fil-jiem li għaddew, f’bar fi Triq ir-Repubblika fil-Belt Valletta, Robert Abela kellu konversazzjoni mas-Segretarju Permanenti Frank Fabri li min-naħa tiegħu nstema’ mhux biss jinkoraġġixxi lil Robert Abela biex ma jibżax jidħol għal dan ir-rwol, iżda saħansitra qallu: “go for it… go for it… taqtax qalbek… jien ngħinek.”

Naturalment fl-isfond tal-għażla li Robert Abela jrid jagħmel fis-sens jekk jaċċettax jew dak li trid Kastilja, hemm dik li attwalment hu qiegħed idaħħal mijiet u eluf ta’ ewro f’konsulenzi mqabbda lilu minn Kastilja u f’direct orders oħrajn mogħtija lilu miċ-Ċivil jew minn entitajiet oħrajn li jaqgħu direttament taħt ir-responsabbiltà tal-kappa tal-Gvern.

Hu stat ta’ fatt li Robert Abela jinsab f’salib it-toroq… jew jagħżel li jinħatar Ministru tal-Edukazzjoni u hekk jieqfu l-eluf ta’ ewro f’konsulenzi. Jew jibqa’ kif inhu llum – konsulent ta’ Kastilja bi dħul kbir ta’ eluf ta’ ewro, iżda tieqaf il-ħolma tiegħu li jsir Ministru fil-Kabinett ta’ Muscat.
F’dan ix-xenarju iżda dawk qrib ta’ Robert Abela qed jinsistu li hu għandu jaċċetta li jinħatar Ministru fil-Kabinett, anki għaliex meta fil-viċin se tibda l-ġirja uffiċjali għall-ħatra tal-Kap tal-Partit Laburista u allura ta’ Prim Ministru, hu jkun fuq l-istess livell tal-oħrajn interessati… fosthom il-Ministri Chris Fearne u Ian Borg li t-tnejn li huma jgawdu post fil-Kabinett.

Dawk viċin Robert Abela qed isostnu li ma tagħmilx sens għal Robert Abela li jibqa’ joħlom li jirbaħ it-tellieqa hu kemm-il darba ma jkunx hu wkoll madwar il-medja tal-Kabinett u hekk ikun jaf direttament x’qed jingħad u x’qed isir… għalkemm bħala Konsulent tal-Prim Ministru xorta waħda għandu aċċess għal ħafna informazzjoni. Iżda bi rwol ta’ Ministru, ikun f’pożizzjoni ferm aktar b’saħħitha fit-tellieqa tiegħu fost id-delegati Laburisti.

Ix-xenarju ħolistiku li qiegħed idawwar dan kollu diġà hu wieħed tqil ħafna, b’membri oħrajn tal-Kabinett diġà ma humiex jorbtu qalbhom mad-dekasteru li diġà jokkupaw. Nistgħu niżvelaw kif waħda minn dawn il-membri – il-Ministru Justyne Caruana – ftit ftit qed taqta’ minn qalba x-xogħol bħala Ministru għal Għawdex u nies viċin tagħha li jitkellmu ma’ il-mument fissru kif il-Ministru aktar qed tiffoka fuq affarijiet oħrajn milli fuq ix-xogħol rikjest bħala Ministru għal Għawdex.

L-istess sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalu wkoll li l-istess Justyne Caruana wkoll ma kinitx kuntenta bil-mod kif Għawdex iddaħħal fid-diskors tal-Baġit…bħal qisu xi ħaġa li fil-veru sens tal-kelma kien minsi u ddaħħal biss ma’ portafolli oħrajn biex hekk isem Għawdex issemma’.

Intqal lil il-mument li fiċ-ċirkostanzi Justyne Caruana tippreferi tagħlaq ħalqha għaliex il-possibbiltajiet li ma tibqax Ministru għal Għawdex u tingħata d-dekasteru tal-Anzjani hu kbir ħafna.
Hu sigriet magħruf li l-pariri tal-Kitchen Cabinet tal-Prim Ministru huma ffukati li r-rwol ta’ Ministru għal Għawdex jingħata lil Clint Camilleri li attwalment jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali.

Proprju nhar il-Ġimgħa li għadda, isem Clint Camilleri kien fl-aħbarijiet wara li dan kellu jirtira l-kumment li għadda fuq Deputat Nazzjonalista waqt li dan kien qed jitkellem fis-seduta parlamentari ta’ filgħodu.

Proprju Clint Camilleri rtira l-kumment li kien għamel iżda qal li ma kienx jaf għal xiex kienet qed tirreferi d-Deputat Speaker Claudette Buttigieg li rrimarkat li din ma tantx kienet skuża tajba użata mill-istess Clint Camilleri.

Jirriżulta li Clint Camilleri kien għadda kumment mhux fuq il-mikrofonu qabel ma kien se jitlaq mill-Kamra u d-Deputat Speaker segħmetu u waqqfitu milli joħroġ mill-Kamra tal-Parlament.
Kien hawn li Clint Camilleri wieġeb lid-Deputat Speaker b’“Xi trid?” u d-Deputat Speaker ċanfret lil Clint Camilleri għall-mod kif indirizzaha. Hi fakkret li kemm-il darba qalet li tisma’ ħafna, u kienet semgħet dak li qal. Wara li talbitu diversi drabi biex jirtira l-kumment li għamel, Clint Camilleri, irtira l-kumment.

Barra minn hekk, il-Kitchen Cabinett tal-Prim Ministru qiegħed ikompli jinsisti li t-tluq ta’ Evarist Bartolo mill-Kabinett għandu jintuża biex isir ċertu taqlib drastiku fl-istess Kabinett. Skont il-Kitchen Cabinet, għandhom jiċċaqilqu fiż-żgur il-Ministru tal-Intern Michael Farrugia u l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana u tnejn mis-Segretarji Parlamentari li biċ-ċar qed ifallu mill-ħidmiet tagħhom.