F’kollegament telefoniku fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li kellu xi pjan għall-futur tal-pajjiż iżda meta wieħed jagħsar dan id-diskors fieragħ mas-sigħat sħaħ ta’ diskorsi fil-Parlament malajr jintebaħ li l-Gvern ma rnexxielu jippreżenta ebda pjan konkret.
Joseph Muscat kompla juri kif il-Gvern moħħu biss fin-numri li jaqblu lilu iżda l-Prim Ministru ma jridx jammetti li l-faqar finanzjarju żdied b’aktar minn 10,000 fuq medda ta’ ħames snin u dan jirriżulta mill-istatistika tiegħu stess li jaħbiha.
Fi stqarrija bi tweġiba għad-diskors tal-Prim Ministru, il-Partit Nazzjonalista qal li Muscat ma jistax jitwemmen għaliex il-Gvern kien bla pjan qabel il-baġit u baqa’ bla pjan għal pajjiżna.
L-istqarrija tgħid li l-baġit ma jsolvix il-problemi li ħoloq il-Gvern stess bil-viżjoni ekonomika tiegħu li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni flok bil-produttività. Dan qed iħalli effett ħażin fuq bosta setturi fosthom il-pagi, l-għoli tal-ħajja, il-prezzijiet tal-propjetà, il-kirjiet, it-toroq, it-traffiku, l-infrastruttura, is-sigurtà u l-ambjent. Għal Joseph Muscat, il-barranin li qed iġib qegħdin hawn biss għall-bolla.
Dan huwa Gvern tan-numri li jaqblu lilu waqt li l-Oppożizzjoni qed titkellem fuq ir-realtà li qed jiffaċċjaw in-nies, temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>