Sport Sport Ieħor

St. Peter’s Żabbar jirbħu t-Tazza tal-Anġlu tal-Boċċi għat-tielet darba

St. Peter’s Żabbar rebħu għat-tielet darba n-knock-out ta’ 3×3 magħrufa sew mad-dilettanti bħala t-Tazza tal-Anġlu. Fil-finali huma għelbu lil J.S Dimech tal-Imsida, biex kisbu dan is-suċċess wara li fil-passat kienu rebħu fl-1998 u l-2008.

Huma kellhom staġun mill-aqwa hekk kif spiċċaw it-tielet fil-klassifika kif ukoll spiċċaw ma’ ta’ fuq fil-kompetizzjonijiet organizzati mill-Federazzjoni Maltija tal-Boċċi, biż-Żabbarin iċaħħdu lil J.S Dimech mill-ewwel suċċess f’din il-kompetizzjoni ta’ prestiġju.

Biex waslu sal-finali, St. Peter’s Żabbar eliminaw lil Valletta 18, Tal-Grazzja, Maqgħudin u Santa Liena f’semifinali missielta. It-tim ta’ St. Peter’s Żabbar kien magħmul minn Conrad Borg, Joseph Camilleri, Vincent Galea, Victor Zahra, Tarcisio Portelli u Brandon Pulis.

St. Peter’s Żabbar kellhom bidu fejn għamlu żewġ punti, iżda fit-tieni ġugata Msida naqqsu d-distakk. Iż-Żabbarin komplew ikabbru d-distakk u sad-disa’ ġugata kienu 9-2 fil-vantaġġ, biex komplew jikkontrollaw tajjeb it-tentattivi tal-avversarji li jidħlu fil-logħba. Huma spiċċaw biex rebħu 21-3.

Il-logħba kienet ikkontrollata minn Giovanni Cortis bl-għajnuna ta’ Raymond Azzopardi. Fi tmiem il-finali saret il-preżentazzjoni mill-President tal-Federazzjoni Giovanni Fabri, fost il-ferħ taż-Żabbarin.

It-Tlieta jintemm l-istaġun tal-Boċċi biċ-Chossi Super Cup bil-logħba bejn ir-rebbieħa tal-Kampjonat Għaxaq u r-rebbieħa tat-Tazza tal-Anġlu St. Peter’s Żabbar. Il-logħba tibda fis-6.00pm fil-pitch ta’ Ħal Għaxaq.

Tags