Lokali

RITRATTI: Ngħaddu lil uliedna l-valur tas-solidarjeta’

Il-valur tal-ġenerożita’ li jħaddan il-poplu Malti rridu ngħadduh lill-uliedna.  Dan kien il-qofol tal-messaġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fi tmiem il-mixja annwali organizzata bil-għan li jinġabru fondi b’risq il-Malta Community Chest Fund.  Tul il-mixja, Adrian Delia mexxa delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista.

Fil-messaġġ tiegħu, fi tmiem l-attivita’, il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-parteċipazzjoni kbira f’din l-attivita’ hija wirja tal-qalb kbira tal-poplu Malti, poplu li jaf iqum għall-okkażjoni kull meta jkun imsejjaħ biex jgħin lil dawk fil-bżonn. Hu appella biex dan il-valur nibqgħu ngħadduh lill-ġenerazzjonijiet futuri, għax huwa dan il-valur li jagħmilna aħjar minn popli oħra.  Adrian Delia sellem ukoll lill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, f’din l-aħħar fun run taħt il-Presidenza tagħha. Hu ddeskriva lill-President Coleiro Preca bħala simbolu u punt ta’ riferenza għal dawk fil-bżonn.

It-temp mill-isbaħ f’din l-għodwa ta’ Novembru għen biex inħolqot atmosfera mill-isbaħ fit-toroq hekk kif kienu eluf il-Maltin li rrispondew għall-appella tal-Malta Community Chest Fund u ħadu sehem fil-mixja / ġirja annwali magħrufa bħala tal-President.  Wara li kien hemm tluq minn bnadi differenti madwar Malta, mal-wasla tagħhom fil-Belt Valletta, l-parteċipanti kollha ngħaqdu flimkien, immexxija mill-għola awtoritajiet tal-pajjiż, f’ġest li l-għan tiegħu hu l-għaqda tal-poplu Malti favur dawk l-aktar vulnerabbli.

Minn naħa tagħha, l-President Marie-Louise Coleiro Preca fid-diskors li għamlet appellat lill-poplu Malti biex joqgħod attent ħalli ma jinħakem qatt mill-indifferenza. Hi tikkunsidra l-ġenerożita’ tal-poplu Malti bħala l-aktar ħaġa li se tgħożż u li se tibqa’ f’qalbha meta tasal biex ittemm il-kariga tagħha bħala President tar-Repubblika.