Il-flus li nġabru fit-tieni tmiem il-ġimgħa ta’ Settembru permezz ta’ maratona ġbir ta’ fondi fuq Xejk TV, il-Ħadd filgħaxija tqassmu lill-4 benefiċċjarji wara quddiesa fuq l-istess stazzjon.
Il-Fondazzjoni U rnexxielha tiġbor ‘il fuq minn €185,000 li minnhom se jibbenefikaw l-Assoċċjazzjoni Maltija Malayalee, tfal foqra fil-Kenja u l-missjoni tas-Sorijiet tal-Karità fil-Pakistan u s-Sudan t’Isfel.
L-Assoċċjazzjoni Maltija tal-Mayalee, li offriet spettaklu mużikali fil-maratona permezz ta’ 2,000 persuna li jaħdmu Malta, tgħin lil diversi familji u 3 orfanatrofji f’Kerla fl-Indja wara li ġarrbu diversi f’għargħar kbar u diżastri naturli oħra. Fl-Indja wkoll, il-Fondazzjoni U se tkun qed tgħin lill-Patrijiet Franġiskani Konventwali fil-formazzjoni tal-patrijiet kif ukoll fir-restawr u l-bini ta’ sptar għal nies u tfal bl-AIDs.
Bil-flus miġbura, is-Sorijiet tal-Karità se tikkontribwixxi għall-edukazzjoni tat-tfal Pakistani fl-iskejjel tagħhom peress li fil-pajjiż hemm problemi kbar ta’ sfruttament tat-tfal fid-dinja tax-xogħol għaliex il-ġenituri qajla jimpurtahom mill-formazzjoni edukattiva ta’ uliedhom. L-istess Sorijiet se jkunu qed jgħinu ukoll dar li għandhom fl-Indja għal-dawk diżabbli mentalment u għall-bini ta’ bore hole għall-ilma fis-Sudan t’Isfel.
Il-poplu Malti ukoll kien ġeneruż ma’ aktar minn 250 tifel u tifla mill-Kenja hekk kif b’ €120 għal kull persuna sponsorjaw l-ikel, l-ilbies u l-edukazzjoni tagħhom.
Ix-xandira ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet serviet ta’ preludju għall-Maratona tas-26 u s-27 ta’ Jannar, li se tkun l-20 edizzjoni li qed ittella’ l-Fondazzjoni U. Fil-maratona li jmiss se jibbenefikaw 4 benefiċċjarji oħra differenti: il-missjoni tal-Patrijiet Kapuċċini fil-Kenja u tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù fl-Etijopja, tal-Kerela Aid u tfal li għadhom qed ifittxu sponsor fil-Kenja permezz ta’ Dun Joseph Motousu.
//= $special ?>