Futbol Sport

Aurelio Andreazzoli jitkeċċa minn kowċ ta’ Empoli

Aurelio Andreazzoli ma għadux aktar il-kowċ ta’ Empoli. Dan wara t-telfa ta’ 5-1 li sofrew kontra Napoli fi Stadio San Paolo. Il-President Fabrizio Corsi ddeċieda li jibdel it-triq u jaħtar kowċ  ġdid biex jipprova jressaq lit-tim aktar lejn is-salvazzjoni.

Ir-rebħa fl-ewwel ġurnata u xi prestazzjonijiet pożittivi, ma kinux biżżejjed biex isalvaw lil Andreazzoli hekk kif fl-aħħar għaxar logħbiet kisbu biss tliet draws u seba’ telfiet.

Fi stqarrija, Empoli kkonfermaw it-tneħħija ta’Andreazzoli u l-kollaboraturi tiegħu. Huma rringrazzjaw lill-kowċ ta’ 65 sena tal-ħidma li għamel mal-klabb fejn irnexxielu jgħin lit-tim jikseb il-promozzjoni biex reġa’ qed jilgħab fl-ogħla diviżjoni Taljana.

Postu mistenni jittieħed minn Giuseppe Iachini. L-istaġun li għadda l-kowċ Taljan għen lil Sassuolo jsalvaw mingħajr diffikultà iżda ma kienx konfermat mill-klabb li ddeċieda li jaħtar lil Roberto De Zerbi.

Andreazzoli sar it-tielet kowċ fis-Serie A li tneħħa dan l-istaġun, wara li Davide Ballardini u Lorenzo D’Anna tkeċċew minn kowiċs ta’ Genoa u Chievo rispettivament.