L-ittri tal-‘whisteblower’ b’allegazzjonijiet kontra l-MEP David Casa nkitbu fuq il-kompjuter tal-Editur Maniġerjali tal-Maltatoday Saviour Balzan ftit qabel it-8pm tas-Sibt filgħaxija, lejliet li l-istess gazzetta rrappurtat il-kontenut tal-istess ittri. Dan ġie żvelat minn The Times of Malta li bagħtet mistoqsijiet lil Saviour Balzan dwar dan il-fatt, u li minn naħa tiegħu kkonferma li l-ittri nkitbu fuq il-kompjuter tiegħu. Hu qal li għamel dan biex jiproteġi lis-sors.
Fir-reazzjoni tiegħu għal din l-aħbar, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal li ma jinsabx ixxukkjat minn dawn ir-rivelazzjonijiet, għaliex fi kliemu, “kien ċar li wara l-ħidma tiegħi fuq ir-rapport tal-FIAU li jsejjaħ għall-azzjoni mill-pulizija kontra Konrad Mizzi, spiċċajt fil-mira. Imma dan il-livell ta’ kollużjoni, qerq u fabbrikazzjoni tal-‘aħbarijiet’ hu bla preċedent u ma hemmx skużi għalih.”
David Casa kompla jgħid: “Dan il-fabbrikazzjoni ta’ stejjer bla sens mhux ġurnaliżmu investigattiv. Jien ħdimt bla heda biex nipproteġu l-ġurnaliżmu investigattiv. U se nkompli nikkommetti ruħi għal din il-kawża issa aktar minn qatt qabel. Pajjiżna għandu bżonn ġurnalisti professjonali li jfittxu l-verità. Jien naf li l-maġġoranza tal-ġurnalisti Maltin huma onesti, u ninkoraġġihom biex ikomplu bil-ħidma importanti tagħhom.”
Fir-rapport tagħha, The Times qalet li rat kopja elettronika tal-ittri li nkitbu fuq il-kompjuter ta’ Saviour Balzan ftit qabel it-8pm ta’ filgħaxija tas-Sibt 20 ta’ Ottubru, u li ftit wara ntbagħtu lill-‘whistleblower’. Biex l-għada, l-Ħadd, il-Maltatoday għamlet storja kbira fuq il-faċċata ta’ quddiem dwar il-kontenut ta’ dawn l-ittri.
L-MEP David Casa ċaħad l-allegazzjonijiet kontrieh.
//= $special ?>