Il-Gvern qed jiftaħar illi bil-ġbir tal-borża l-bajda qed jissepara mal-100 tunnellata ta’ skart organiku. Iżda ftit li xejn tana informazzjoni dwar x’qed isir b’dan l-iskart u fejn qed jispiċċa.
Net News illum jinsab f’pożizzjoni illi jikkonferma li ammont konsiderevoli ta’ boroż bl-iskart organiku, qed jitħalltu mal-borża s-sewda. B’konsegwenza li dan l-iskart, li jiġi separat mill-familji, xorta qed jispiċċa jitħallat meta jinġabar fil-lokalitajiet.
Każ klassiku seħħ illum f’Ħaż-Żebbuġ.
Dan ir-ritratt partikolari (fuq) ttieħed għall-ħabta tal-11am. Raġel residenti fiz-zona ta’ Ħal Mula qalilna “rajthom jien b’għajnejja jħalltu l-boroz, meta aħna nagħmlu sagrifiċċju nisseparaw”.
Iżda s-sorsi tagħna kkonfermaw li l-istess sitwazzjoni qed tiġri f’diversi irħula oħra, allegatament fuq struzzjonijiet tal-Wasteserv lill-kolletturi.
Bosta residenti minn irħula varji stqarrew magħna li dan kollu jixhed il-fjask tal-iskema mgħaġġla li introduċa l-Gvern, bla ebda konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali.
Problemi simili fil-ġbir tal-iskart ġew rappurtati illum f’Raħal Ġdid, ir-Rabat u Marsaskala.
Il-ġimgħa li għaddiet l-eks Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ kien kiteb b’mod ċar ħafna li hemm nuqqasijiet fil-mod kif qed jinġabar l-iskart, u li għalxejn l-awtoritajiet iwaħħlu fir-residenti.
Intant, din l-istorja ħolqot furur kbir fuq il-media soċjali hekk kif diversi persuni bdew jikkummentaw fuq ir-rapport investigattiv ta’ Net News u jaqsmu l-esperjenza ta’ dak li iltaqgħu miegħu illum. Fosthom it-trakkijiet li qed iħalltu kollox fl-istess kaxxa, tkun xi tkun il-borża. U jekk jinżamm separat mill-kollettur, xorta qed jispiċċa jitħallat fid-destinazzjoni malli l-boroż jaslu l-Magħtab.
//= $special ?>