Internazzjonali

Fl-Indja: Stuprata tifla għal kura fl-isptar

Il-Pulizija Indjana qed tinvestiga allegazzjonijiet li tifla ta’ erba’ snin spiċċat vittma ta’ ‘stupru tal-massa’ waqt li kienet fit-taqsima għal trattament intensiv tal-isptar.

It-tifla infurmat lil nannitha li ‘kienu stuprawha membru tal-istaff tal-isptar flimkien ma’ erba’ oħra’ waqt li hi kienet waħedha f’dik it-taqsima. Il-Pulizija qed iżżomm raġel taħt arrest, fost tfittxija għal persuni oħra biex jgħinu fl-istħarriġ tal-każ.

Il-vittma kienet ilha l-isptar għal erbat ijiem fejn kienet qed tkun trattata għall-gidma ta’ serp. L-isptar inkwistjoni jinsab lejn il-Lbiċ ta’ Lucknow, il-belt kapitali tal-Istat ta’ Uttar Pradesh.
Sadattant, l-Indja għadha mheżża minn sensiela ta’ każi ta’ aggredament sesswali li seħħew f’dawn l-aħħar snin.
Ir-reati jinkludu l-istupru u omiċidju ta’ studenta fuq xarabank fi New Delhi li kien seħħ fl-2012 u liema attakk kien wassal għal ‘reazzjoni qalila’ f’pajjiż fejn il-vjolenza kontra n-nisa, sa dak iż-żmien, kien qed ikun ‘aċċettat bil-kwiet’.