Lokali

Il-Bank Ċentrali Ewropew ineħħi l-liċenzja tal-Bank Pilatus

Tmien xhur wara li ċ-Chairman ta’ Pilatus Bank, Ali Sadr Hasheminejad, ġie arrestat fl-Istati Uniti fuq diversi akkużi, il-Bank Ċentrali Ewropew approva t-tneħħija tal-liċenzja tal-istess bank li kien jopera f’Ta’ Xbiex.

Dan ifisser li  l-bank issa m’għadux jeżisti, hekk kif l-ebda bank ma jista’ jwettaq xi tip ta’ ħidma jekk ma jkollux liċenzja biex jagħmel dan.

It-tneħħija tal-liċenzja saret wara proposta li għamlet l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarja, u ġiet deċiża waqt laqgħa tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew. Dan wara li għall-aħħar xhur saret kritika ħarxa għan-nuqqas ta’ azzjoni mill-MFSA.

Dan hekk kif il-bank instab li fost oħrajn laqa’ fi ħdanu diversi persuni esposti politikament, anke fuq livell internazzjonali. Il-Bank Pilatus jinsab ukoll fiċ-ċentru ta’ Inkjesti Maġisterjali li għadom għaddejjin.

Wara l-arrest tal-Iranjan, l-MFSA kienet ħatret lil Lawrence Connell bħala Persuna Kompetenti biex dan ħa taħt idejh l-assi kollha tal-bank u assuma l-ħidma tas-servizzi bankarji u ta’ investiment ta’ Pilatus Bank.

Il-ħidma tal-Persuna Kompetenti, kif ukoll l-ordni li l-bank ma jiddisponix, jillikwida, jittrasferixxi jew iwettaq xi proċess bl-assi u flus tal-klijenti jibqgħu fis-seħħ minkejja t-tneħħija tal-liċenzja tal-bank.