Lokali

“Il-ftaħir bin-numri mhux biżżejjed biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tan-nies”

Is-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista turi t-tħassib tagħha għall-fatt li fil-Budget ġew injorati diversi setturi li jgħinu direttament lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

L-SĦPN tħoss li l-Gvern ħalla barra r-riċerka u l-innovazzjoni, meta għall-pajjiżi li qed javvanzaw u li jinsabu f’kompetizzjoni diretta magħna jiddedikaw ammonti sostanzjali ta’ fondi għal dan is-settur.

L-SĦPN tistaqsi kemm huma l-fondi li ġew allokati għar-riċerka fil-qasam tal-mediċina u jekk tnaqqsux il-fondi allokati għall-Università. L-SĦPN tistaqsi wkoll jekk dan il-budget ħasibx fil-fond tal-unjins sabiex anke huma jkunu jistgħu jagħmlu r-riċerka ħalli jtejbu il-qagħda tal-ħaddiema f’pajjiżna. Fejn irid il-Gvern jaħbi l-istatistika.

Il-unjins li jirrapreżentaw lill-eluf ta’ ħaddiema mhumiex jirċievu l-istatistika uffiċjali sabiex ikunu jistgħu jaraw u jaħdmu fuq dawk l-oqsma li waqgħu lura fis-soċjetà Maltija. B’hekk biss ikunu jistgħu jidentifikaw il-bżonnijiet ta’ dawk li jeħtieġu attenzjoni sabiex itejbu l-kwalita’ tal-ħajja. Dwar il-bqija tal-imsieħba soċjali fl-MCESD, il-Gvern naqqas mis-saħħa ta’ dan il-Kunsill, meta dan jeħtieġ li wkoll jagħmel r-riċerka sabiex ikun jista’ jagħti kontribut siewi lis-soċjetà.

Sfortunatament għal dan il-Gvern bla pjan, il-qari tal-budget sar biss eżerċizzju rħis ta’ reklamar u propaganda għalih. L-Oppożizzjoni, għax għandha għal qalbha l-ġid komuni tal-poplu, ħejjiet id-dokument tagħha ta’ qabel il-budget bil-proposti, iżda l-Gvern għax arroganti għażel li jinjorahom bħalma għamel fis-snin ta’ qabel.

Dan il-Gvern jinteressah min-numri iżda l-Oppożizzjoni jinteressaha mill-familji u għalhekk ukoll l-SĦPN tfakkar lil Joseph Muscat li l-ftaħir bin-numri mhux biżżejjed biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tan-nies. Meta l-ġid li qed jinħoloq mhux jasal għand kulħadd u l-familji fejn l-omm u l-missier ikollhom jaħdmu sigħat twal sabiex jippruvaw joffru ħajja diċenti lill-uliedhom, żgur li mhux qed iħossu l-effett tal-ftaħir tas-surplus.