Tsunami hu avveniment naturali li jista’ jkun fost il-perikli l-aktar qattiela u ta’ danni ekonomiċi kbar.
Ħafna nies jassoċjaw il-kelma tsunami ma’ mewġa tal-baħar ġganteska ġġenerata minn terremot, madankollu, dan mhuwiex l-uniku sors. Vulkani u valangi ta’ taħt il-baħar jistgħu jiġġeneraw ukoll tsunami. Interessanti, il-kelma tsunami għandha l-oriġini tagħha fil-Ġappun ‘tsu’ tfisser port u ‘nami’ tfisser mewġa. Il-mekkaniżmu bażiku li jiġġenera mewġa ġganteska hu l-ispostament rapidu ta’ volum kbir ta’ ilma.
Bħala medja, madwar id-dinja jseħħu żewġ tsunami kull sena. F’dawn l-aħħar għaxar snin, seħħew diversi tsunami fatali fosthom fiċ-Ċilì, fil-Ħaiti, fil-Perù, fit-Tonga, fil-Gżejjer Solomon, fl-Indoneżja u fil-Ġappun.
Aktarx, tsunami l-aktar msemmija huma dawk tal-2004 f’Sumatra, fl-Indoneżja u tal-2011 f’Tohoku, il-Ġappun, fejn b’kollox mietu aktar minn 250,000 persuna u kkawżaw biljuni ta’ ewro f’danni. Avvenimenti drammatiċi bħal dawn iħassbu lill-komunità globali li min-naħa tagħha titlob tweġibiet għal mistoqsijiet dwar fejn u meta se jerġa’ jseħħ, u kif jistgħu jitnaqqsu d-danni.
L-ewwel pass lejn l-għarfien
L-ewwel pass lejn il-mitigazzjoni hu l-għarfien. Għalhekk f’Diċembru tal-2015, l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda ħatret il-5 ta’ Novembru bħala l-Jum Dinji għall-Għarfien tat-Tsunami koordinat mill-Uffiċċju tal-ĠM għat-Tnaqqis tar-Riskju tad-Diżastri.
Malta, bħal kull gżira oħra fil-Mediterran, hi wkoll suxxettibbli għat-tsunami. L-ambjent ġeoloġiku kumpless tar-reġjun tal-Mediterran jagħti lok għal aktar minn tip wieħed ta’ sorsi tsunami ġeniċi, bħas-subduzzjoni tal-platt tettoniku Afrikan taħt il-Greċja, splużjonijiet vulkaniċi bħal, pereżempju, tal-Muntanja Etna jew Vesuvius, l-inżul f’daqqa ta’ blat kbir fil-baħar, jew valangi taħt il-baħar.
Dokumenti storiċi juru li seħħew diversi tsunami fil-Mediterran matul is-sekli, u xi wħud minnhom ikkawżaw devastazzjoni sħiħa. Pereżempju, eruzzjoni volkanika madwar l-1620 QK f’Santorini kkawżat mewġ u għargħar sa 60 metru għoli li għattew il-kosti tal-Lvant tal-Mediterran kollu. Fis-sena 365, terremot kbir ikkawża qerda kbira fuq Kreta segwita minn tsunami li qered reġjuni kostali sħaħ li laħqu sal-Lvant ta’ Sqallija u l-Eġittu, u qatlu madwar 50,000 ruħ fil-belt ta’ Alexandria.
Impatt sostanzjali
Aktar reċentement, fit-28 ta’ Diċembru fl-1908, terremot li jkejjel 7.4 fuq l-iskala Richter laqat il-belt ta’ Messina fi Sqallija, segwit minn tsunami. It-terremot u t-tsunami qatlu madwar 40,000 ruħ f’Messina u f’Reggio di Calabria waħedhom, b’xi dokumenti storiċi jagħtu stima ta’ 200,000 vittma. It-terremot inħass ukoll f’Malta, u t-tsunami laħaq ukoll xtutna. Gazzetti lokali bħal Daily Malta Chronicle irrappurtaw li l-baħar madwar Malta sar aġitat u għola sew fl-Imsida. Fortunatament, ma kien hemm l-ebda vittmi.
Bl-iżvilupp konsiderevoli li sar matul il-kosta tal-Lvant ta’ Malta, jekk tsunami simili kellu jerġa’ jseħħ illum l-impatt fuq Malta jista’ jkun aktar sostanzjali. Sfortunatament ma tantx jista’ jsir biex titwaqqaf mewġa riesqa lejn xtutna, iżda hu possibbli li jsir moniteraġġ għat-tsunami li jkun qiegħed joqrob.
In-netwerks siżmiċi li jinsabu madwar il-Mediterran issa jippermettu li terremot b’saħħtu jiġi osservat u evalwat f’ħin ta’ ftit minuti jew sekondi. Biex ikun hemm informazzjoni aktar preċiża u konferma dwar tsunami li jkun qiegħed joqrob, hu meħtieġ li jkun hemm strumenti fil-baħar li jżommu moniteraġġ tal-livell tal-ilma f’ħin reali.
Proġett ġdid ta’ 2.5 miljun ewro
Fil-Mediterran, il-Kummissjoni Oċeanografika Intergovernattiva tal-UNESCO (IOC-UNESCO) qed tikkoordina s-sistema ta’ twissija u mitigazzjoni tat-tsunami fl-Atlantiku ta’ fuq, fil-Mediterran u l-ibħra konnessi (NEAMTWS), bl-għajnuna tal-provdituri reġjonali għas-servizzi tat-tsunami. Lokalment, matul l-aħħar erba’ snin, il-Grupp tal-Moniteraġġ u Riċerka Siżmiku fi ħdan id-Dipartiment tal-Ġeo Xjenza fl-Università ta’ Malta saħħaħ il-kapaċità ta’ moniteraġġ u l-iskambju tad-data f’ħin reali ma’ pajjiżi oħra fil-Mediterran permezz tal-proġett SIMIT (Programm Operattiv Italja-Malta 2007-2013).
Fi proġett ġdid ta’ 2.5 miljun ewro msejjaħ SIMIT-THARSY – “Tsunami Hazard Reduction System”, id-dipartiment se jtejjeb il-kapaċitajiet tal-moniteraġġ siżmiku tiegħu u jinkorpora informazzjoni f’ħin reali minn strumenti marittimi biex isir moniteraġġ iktar preċiż għat-tsunami.
SIMIT-THARSY se ssaħħaħ is-sistemi infrastrutturali u s-sistemi ta’ ppjanar ta’ kontinġenza diġà preżenti fir-reġjun transkonfinali Malta-Italja u se tikkostitwixxi pjattaforma ġdida għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn id-Dipartimenti tal-Protezzjoni Ċivili f’Malta u fi Sqallija u istituzzjonijiet xjentifiċi. Speċifikament, se jiġi indirizzat l-moniteraġġ, il-valutazzjoni, it-twissija u l-intervent rapidu fil-każ ta’ terremoti tsunami ġeniċi.
Kompjuters għal xenarji differenti
Qed jiġu installati kompjuters, kif ukoll programmi speċjalizzati biex jevalwaw xenarji differenti ta’ terremoti u tsunami biex b’hekk jipprovdu lill-awtoritajiet nazzjonali bl-informazzjoni meħtieġa għall-ippjanar u l-immaniġġjar f’każ ta’ emerġenza. Dawn il-mudelli se jipprovdu tbassir tal-ħinijiet tal-wasla tat-tsunami u tal-għoli tal-livell tal-baħar mistenni madwar il-Mediterran, b’attenzjoni speċjali fuq il-gżejjer Maltin.
Dan l-immudellar jista’ jgħinna nifhmu kif jista’ jaffettwa qiegħ il-baħar hekk kif tkun qed tasal mewġa lejn ix-xatt. Każ partikulari hu t-tsunami reċenti li laqat il-belt ta’ Palu fl-Indoneżja, fejn inbela’ minn mewġ ta’ għoli mhux mistenni ta’ 6 metri, minflok dak li kien stmat ta’ nofs metru, probabbilment minħabba l-forma ġeografika tal-bajja.
L-imsieħba tal-proġett SIMIT-THARSY huma d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ta’ Sqallija, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ta’ Malta, l-Università ta’ Palermo, l-Università ta’ Katanja u l-Università ta’ Malta. Ir-riċerkaturi lokali huma Dr Sebastiano D’Amico, Prof. Pauline Galea, Dr Matthew R. Agius u George Bozionelos mill-Università ta’ Malta.
SIMIT-THARSY hu ffinanzjat mill-Programm Operattiv Interreg V-A Italia Malta 2014-2020 (Proġett C1-3.2-57).
//= $special ?>