Ambjent Kunsilli Lokali Lokali

Is-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ tikkonferma li boroż tal-iskart qed jinġabru f’daqqa

Is-Sindku Laburista ta’ Ħaż-Żebbuġ Sarah Agius Saliba ikkonfermat, premezz ta’ post fuq Facebook, illi f’Ħaż-Żebbuġ qed jinġabar skart separat u jitħallat mal-borża s-sewda. U dan qed isir fuq direttiva tal-Wasteserv.

Is-Sindku, li hi l-mara tal-kandidat laburista għall-Parlament Ewropew Alex Saliba, għażlet li tattakka lil dan is-sit tal-aħbarijiet li kull ma għamel kien li irrapporta fatt – ċioe’ li l-iskart qed jitħallat fit-trakkijiet tal-kolletturi.

Agius Saliba qalet li dan jiġri tort tan-nies għaliex joħorġu l-borża tal-iskart tard.

Hi allegat li dan is-sit ma vverifikax il-fatti – xi ħaġa li hi kompletament skorretta.

L-istorja esklussiva li ppublikajna dalgħodu ġabet reazzjoni enormi fuq il-media soċjali, b’nies jgħidu li anke f’lokalitajiet oħra qed isir hekk, u diversi residenti raw b’għajnejhom stess l-iskart jitħallat.

Nota editorjali: Qabel inkiteb ir-rapport, in-Newsroom tagħna għamlet diversi kuntatti mas-Segretarja Eżekuttiv tal-Kunsill ta’ Ħaż-Żebbuġ, fejn anke irraportajna fejn seħħ dan il-ġbir imħallat ta’ boroz. Grazzi lilha li kienet kordjali ħafna u talli kkonfermat il-fatti kif waslu anke għandna.

Intant, tul il-jum komplew jidħlu aktar ritratti li juru l-gravita’ ta’ din is-sitwazzjoni madwar il-pajjiż kollu.