Sport Waterpolo

It-tim Malti ta’ taħt il-15-il sena tal-Waterpolo jirbaħ it-tliet logħbiet f’Katanja

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-15-il sena rebħu t-tliet logħbiet tagħhom li lagħbu f’Katanja. Fl-ewwel logħba huma għelbu lil Ortigia 12-4, bit-tim Malti jtemm it-tieni sessjoni 5-0 minn fuq. Huma rebħu wkoll it-tielet sessjoni biex għalqu l-logħba minħabba li bdew l-aħħar logħba 8-2 minn fuq.

Għat-tim Malti skorjaw tripletta Mark Castillo u Matthew Mifsud u Mark Demarco, Kieyan Borg, Nico Schiavone, Sam Azzopardi, Max Farrugia u Alec Fenech skorjaw gowl kull wieħed.

It-tim taħt it-tmexxija ta’ Anthony Farrugia rebaħ it-tieni logħba 7-3 kontra Nuoto Catania bis-sessjonijiet jintemmu 1-0, 2-1, 2-2 u 2-0. Sam Gialanze skorja tripletta filwaqt li Mark Demarco, Alec Fenech, Nico Schiavone u Mark Castillo skorjaw gowl kull wieħed.

It-tielet sessjoni kienet deċiżiva fit-tielet logħba biex it-tim Malti rebaħ 10-9 kontra Telimar Palermo. Iż-żgħażagħ Maltin rebħu t-tielet sessjoni b’distakk ta’ gowl li spiċċa determinanti wara li t-tliet sessjonijiet l-oħra ntemmew fi draw. Għat-tim Malti skorja tripletta Mark Castillo, doppjetta Alec Fenech u Ryan Galea, Kieyan Borg, Sam Azzopardi, Nico Schiavone u Sam Gialanze skorjaw gowl kull wieħed.

Dan it-tournament serva ta’ preparazzjoni għat-tournament ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew ta’ taħt il-15-il sena li se jsir bejn id-29 u l-31 ta’ Marzu 2019.