Lokali

Jitniedu l-Premjijiet għan-Nisa fin-Negozju

Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, ippresediet it-tnedija tal-Premjijiet għan-Nisa fin-Negozju. L-iskop tagħhom hu sabiex jagħrfu l-parteċipazzjoni tan-nisa fin-negozji li għandna f’Malta.

F’din l-edizzjoni se jkunu onorati l-kisbiet tan-nisa: fosthom bi premju għan-negozjanta tas-sena, negozjanta żagħżugħa tas-sena kif ukoll premju lill-kumpanija tal-eċċellenza – dik il-kumpanija li turi kemm qed tippromwovi lin-nisa fin-negozju.

Il-President Coleiro Preca sostniet li dawn il-premjiet jiċċelebraw id-dedikazzjoni u l-impenn tan-nisa li ħadmu bla heda u għelbu l-ostakli li ltaqgħu magħhom bl-impenn, il-ħidma u l-innovazzjoni tagħhom. L-għan ta’ dawn il-premjijiet hu li jiffukaw fuq il-kisbiet tagħhom kif ukoll biex ikunu ta’ eżempju għal nisa oħra fis-soċjetà.

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Malta Andrew Beane, qal li llum 60% tal-gradwati mill-Università ta’ Malta huma nisa. Iżda mbagħad huma biss 5% dawk li għandhom pożizzjoni fuq bordijiet tal-kumpaniji. Dan hu l-iktar persentaġġ baxx fil-pajjiżi ta-Unjoni Ewropea. Hu sostna li d-diversità tal-ħsieb minn dejjem kienet komponent essenzjali għas-suċċess ta’ negozju.

Dawn l-istatistiċi juri li l-ekonomija tagħna ma tistax tirnexxi u tikkompeti internazzjonalment fuq medda twil ta’ żmien jekk it-talent tan-nisa fin-negozji f’pajjiżna ma jitħallhiex jimraħ tassew fil-libertà.

Wieħed jista’ japparteċipa f’dawn il-Premjijiet billi jidħol fuq is-sit www.mbwya.com.mt u jissottometti l-applikazzjoni tiegħu sas-26 ta’ Novembru. Dawn il-premjijiet għandhom l-appoġġ tal-HSBC Bank Malta.