Wara li Kastilja ddeċidiet li jkun il-Ministru Evarist Bartolo li jinħatar il-President il-ġdid ta’ Malta f’Marzu li ġej, biex b’hekk jitwarrab mis-saqajn, issa qed tfittex li tkompli trewwaħ għal aktar appoġġ kemm fost kollegi Ministri kif ukoll fost oħrajn li għandhom ċerti influwenzi.
Oriġinarjament tlieta kienu l-kontendenti prinċipali ta’ Kastilja għall-ħatra ta’ President ta’ Malta wara li jintemm it-terminu ta’ Marie-Louise Coleiro Preca… ċioè l-eks Viċi Prim Ministru Louis Grech, l-eks Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella u remotament il-Ministru Evarist Bartolo.
Il-kalkoli ta’ Kastilja kienu li l-aħjar mossa tkun li jitwarrab Evarist Bartolo mix-xena biex hekk il-ħsara li dan ikun jista’ jagħmel fil-Kabinett tkun limitata kemm jista’ jkun… anki invista tax-xogħol minn taħt li qed isir biex l-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli għada pitgħada tkun hi li tinħatar Kap tal-Partit Laburista.
Hu sigriet żvelat diġà li l-favorita ta’ Kastilja għat-tellieqa darba Joseph Muscat iwarrab mill-karigi tiegħu hi Miriam Dalli, u dak li qed tipprepara Kastilja hu li tifrex kemm jista’ jkun is-sodda biex Miriam Dalli ma jkollhiex Ministri b’potenzjal li jistgħu jxekkluha fil-ħidma tagħha.
Il-ħaruf tas-sagrifiċċju f’dan kollu allura hu l-Ministru Evarist Bartolo, li mhux darba u tnejn kellu diverġenzi ma’ Kastilja… fi ftit kliem, Kastilja għandha toqqla bih u għalhekk l-aħjar soluzzjoni għaliha fiċ-ċirkostanzi hi li terġa’ tirrepeti l-istorja ta’ erba’ snin u nofs ilu meta Marie-Louise Coleiro Preca twarrbet bil-pulit minn Ministru fil-Kabinett ta’ Joseph Muscat.
In-Nazzjon illum jista’ jkompli jiżvela li saħansitra Kastilja, permezz tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, imbarkat fuq programm ta’ familjarizzazzjoni mad-diplomazija u l-komportament mistenni mill-mara ta’ Evarist Bartolo darba dan jingħata l-kariga ta’ President ta’ Malta. Għalhekk lis-Sinjura Bartolo tħejjielha programm ta’ korsijiet f’Londra dwar il-prattiċi mistennija minnha darba Evarist Bartolo jilħaq President.
Naturalment, ix-xkiel prinċipali ta’ dan kollu tibqa’ l-kawża dwar korruzzjoni pendenti fil-Qorti, fejn il-kanvaser tiegħu Edward Caruana qed jiffaċċja proċeduri kriminali dwar allegata korruzzjoni ta’ tixħim.
Il-proċeduri kriminali fil-Qorti għadhom għaddejjin u tajjeb li jingħad li fil-bidu nett ta’ dan il-każ – qabel ma l-każ kien saħansitra tressaq quddiem il-Qorti – kien rappurtat kif il-Ministru Evarist Bartolo kien ipprova jaħbi l-allegat każ ta’ korruzzjoni tal-kanvaser tiegħu Edward Caruana tant li għamel pressjoni fuq il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada biex dan iżomm kollox fil-moħbi u ma jieħu ebda passi.
Fl-isfond ta’ dan kollu, Kastilja issa imbarkat fuq proċess ta’ trewwiħ biex tikseb l-akbar appoġġ possibbli dwar dan iċ-ċaqliq li lilha se jagħtiha l-opportunità tagħmel manuvri u mossi anki fi ħdan il-Kabinett tal-Ministri.
Ilbieraħ, il-gazzetta Il-Mument żvelat kif fil-jiem li għaddew f’bar fi Triq ir-Repubblika fil-Belt Valletta, il-konsulent ta’ Kastilja Robert Abela kellu konverżazzjoni mas-Segretarju Permanenti Frank Fabri, li min-naħa tiegħu nstema’ mhux biss jinkoraġġixxi lil Robert Abela biex ma jibżax jidħol għal dan ir-rwol, iżda saħansitra qallu: “Go for it… go for it… taqtax qalbek… jien ngħinek.”
Naturalment, fl-isfond tal-għażla li Robert Abela jrid jagħmel fis-sens jekk jaċċettax jew le x-xewqa tal-Prim Ministru, hemm dik li attwalment hu qiegħed idaħħal mijiet ta’ eluf ta’ ewro f’konsulenzi mqabbda lilu minn Kastilja u f’direct orders oħrajn mogħtija lilu miċ-Ċivil jew minn entitajiet oħrajn li jaqgħu direttament taħt ir-responsabbiltà tal-Gvern.
//= $special ?>