Sport Sport Ieħor

Rafael Nadal se jitlef il-Finali ATP

(Ritratt: EPA)

Rafael Nadal se jitlef il-Finali ATP ta’ dan ix-xahar li se jsiru f’Londra hekk kif se jagħmel operazzjoni fl-għaksa. Nadal irtira mill-Masters ta’ Pariġi li ntemm ftit jiem ilu minħabba li weġġa’ muskolu fl-istonku, deċiżjoni li fissret li Novak Djokovic ħadlu postu bħala s-sid numru wieħed.

L-Ispanjol ta’ 32 sena qal li minħabba li kien qed ibati b’dan l-uġigħ, ħa l-opportunità biex jagħmel l-operazzjoni fl-għaksa. L-Amerikan John Isner ħa post Nadal fl-avveniment li jinvolvi tmien tennisti.

F’post fuq il-media soċjali, is-17-il darba rebbieħ ta’ Grand Slam qal li kienet sena kkumplikata għalih u qal li tajjeb ħafna fuq livell ta’ tennis meta kien kapaċi jilgħab, u fl-istess ħin ħażina minħabba li weġġa’ diversi drabi.

“Sfortunatament, kelli l-problema fl-abdominal f’Pariġi l-ġimgħa l-oħra u aktar minn hekk għandi problema f’joint fl-għaksa li trid titneħħa. Hu veru li qbadniha żmien twil ilu u minn żmien għal żmien tatni fastidju. Iżda, minn meta l-problema fil-muskolu tal-abdominal, qed niċċaħħad milli nilgħab f’Londra, nieħdu vantaġġ minn dan il-mument biex nevita problemi fil-futur. B’dan il-mod nittama li nkun f’kundizzjoni sħiħa għall-istaġun li ġej,” qal Nadal.

Nadal irtira f’żewġ avvenimenti minn tlieta li ħa sehem fihom fuq wiċċ iebes. Dawn huma l-Open tal-Awstralja u l-Open tal-Istati Uniti, iżda rebaħ it-Tazza Rogers.

In-nuqqas ta’ Nadal f’Londra jfisser li l-14-il darba rebbieħ ta’ Grand Slam Novak Djokovic se jtemm is-sena bħala n-numru wieħed tad-dinja għall-ħames darba fil-karriera. B’hekk hu se jilħaq lil Roger Federer u Jimmy Connors u jinsab darba taħt Pete Sampras.

Tags