Yazmin Zammit Stevens temmet fil-ħames post fil-grupp tagħha fl-ewwel parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Kampjonat tad-Dinja organizzat mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Weightlifting. Fl-ogħla livell ta’ kompetizzjoni li kienet organizzata fit-Turkmenistan, ikkompetew fost l-aqwa atleti minn 88 pajjiż differenti.
Zammit Stevens ikkompetiet fi Grupp D tal-kategorija l-ġdida tal-64kg. Hi spiċċat bi 80kg snatch u 99kg fil-clean and jerk. Sfortunatament f’waħda mis-snatch tat-83kg u l-clean and jerk ta’ 101kg, kienu kkunsidrati bħala ħżiena mir-referees minħabba li ġie deċiż li l-minkeb kien barra. Iżda mill-filmati ta’ wara ma kienx evidenti li r-refgħa kienet irregolari.
It-total tagħha ta’ 179kg kien biżżejjed biex Zammit Stevens spiċċat fil-ħames post u b’kollox temmet fl-40 post minn 46 weightlifter. Iċ-Ċiniża Wei Deng spiċċat l-ewwel fil-kategorija tal-64kg b’total ta’ 252kg.
L-atleta Maltija ġibdet l-attenzjoni tal-media tat-Turkmenistan minħabba l-kampanja ta’ ġbir ta’ fondi li bdiet ftit ilu. Fl-intervista, Zammit Stevens qalet li hi grata li l-pubbliku Malti qed jgħinha bil-vjaġġ tagħha biex tieħu sehem fil-kompetizzjonijiet bit-tama li tikkwalifika għall-Olimpjadi.
Il-Kampjonat tad-Dinja tal-IWF kien l-ewwel avveniment ta’ kwalifikazzjoni għall-Olimpjadi ta’ Tokyo fl-2020. Zammit Stevens kienet akkumpanjata mill-kowċ Jesmond Caruana, li minkejja li ġieli pparteċipa fil-Kampjonat tad-Dinja, din kienet l-ewwel darba għalih bħala kowċ.
//= $special ?>