Futbol Sport

Brian Spiteri jirriżenja minn kowċ ta’ Qormi

Il-kowċ Brian Spiteri rriżenja minn kowċ tal-klabb tal-Premier Qormi wara l-aħħar riżultati negattivi. Spiteri kien ingħaqad mal-Qriema fil-bidu tal-istaġun 2016/2017 wara li l-klabb kien relegat mill-Kampjonat Premier.

Spiteri mexxa lil Qormi sar-raba’ post fi staġun ta’ tranżizzjoni, biex fl-istaġun li għadda minkejja li ma kienx mistenni, Qormi kisbu l-promozzjoni bir-rebħ tal-Ewwel Diviżjoni. F’dak l-istaġun, Qormi kellhom bidu tajjeb u baqgħu fil-quċċata kampjonat sħiħ.

F’dan l-istaġun Qormi rebħu l-ewwel konfront kontra Senglea u wara li tilfu kontra Balzan, ħadu punt kontra Pietà. Iżda minn dakinhar huma sofrew sitt telfiet konsekuttivi, bl-aħħar waħda tkun kontra Ħamrun Spartans il-Ħadd li għadda. Huma bħalissa jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika b’erba’ punti ma’ Senglea Athletic.

Fil-passat, Spiteri mexxa lil Lija Athletic għal erba’ snin minbarra esperjenzi fil-passat ma’ Vittoriosa Stars, Żurrieq u Għargħur kif ukoll esperjenzi fis-settur taż-żgħażagħ. It-tim għalissa għadda f’idejn l-assistent kowċ Matthew Psaila.