Internazzjonali

Eks-gwardjan tal-SS ta’ Hitler ipproċessat fl-età ta’ 94 sena

Eks-gwardjan mal-SS tal-eks-dittatur Nażista, Adolf Hitler, beda għaddej ġuri fil-Ġermanja fost akkużi ta’ kompliċità fi qtil tal-massa ġo kamp tal-mewt, waqt it-Tieni Gwerra Dinjija.

L-imputat – li għandu 94 sena u li ssemma biss bħala ‘Johann R’ – kien serva fil-kamp ta’ Stutthof, fin-naħa ta’ fuq tal-Polonja, minn Ġunju tal-1942 sa Settembru tal-1944. Intant, hu qed jiċħad li kien jaf xi ħaġa dwar l-atroċitajiet li seħħew fil-kamp u – peress li, dak iż-żmien, ma kienx għadu għalaq il-21 sena – l-eks-gwardjan qed ikun ipproċessat f’qorti għall-minorenni f’Munster.

Jekk jinstab ħati, ‘Johann R’ jista’ jeħel priġunerija għal ħmistax-il sena. Iżda l-eks-gwardjan, li ma jista’ imur imkien mingħajr l-użu ta’ wheelchair, mhux mistenni jiskonta xi żmien il-ħabs minħabba l-età avvanzata tiegħu. Dan meta d-dehriet ta’ ‘Johann R’ fil-qorti se jkunu limitati biss għal sagħtejn, proprju minħabba żmienu.

‘Il fuq minn 100 priġunier tal-gwerra Pollakki kienu nqatlu bil-gass fil-kamp tal-mewt speċifiku bejn il-21 u t-22 ta’ Ġunju tal-1944. Mhux eskluż li nqatlu wkoll ‘diversi mijiet ta’ priġunieri Lhud’ fil-kamp bejn Awwissu u Diċembru tal-istess sena.