Edukazzjoni Kultura Lokali

FILMAT: Il-Premju Terramaxka jonora 7 kotba għat-tfal bil-Malti

Xejn inqas minn 7 rebbieħa marru lura d-dar bil-premju Terramaxka 2018 wara ċeremonja ta’ premjazzjoni li saret it-Tlieta filgħaxija fiż-żona tal-attivitajiet tas-Sala Sagra Infermerija ġewwa Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, il-Belt Valletta.

Dan il-premju Nazzjonali tal-kotba għat-tfal bil-Malti għandu l-għan li jippromwovi l-kwalità u l-eċċelenza fil-kotba disponibbli għat-tfal. Tul is-serata diversi kelliema faħħru x-xogħol imprezzabbli tal-kittieba, tal-pubblikaturi, l-aġenti tagħhom u l-librara fost l-oħrajn għaliex ħidmiethom hija importanti għall-iżvilupp edukattiv, kulturali u intellettwali tas-soċjetà.

Ir-rebbieħa kienu mħabbra fl-ordni tal-kategoriji skont l-etajiet u kemm skont xogħlijiet oriġinali kif ukoll tradotti lkoll pubblikati fis-sena li għaddiet.

Għall-ktieb “Mama, Allura din Imħabba?”, Moira Scicluna Zahra u Mark Scicluna flimkien mal-Pubblikaturi Merlin dabbru xejn anqas minn 2 premijiet, dak għall-kategorija ta’ xogħlijiet oriġinali għal trabi sa tfal ta’ 7 snin u ieħor għall-aħjar produzzjoni bl-isbaħ dehra.

L-istess pubblikaturi rebħu tlett kategoriji oħra ta’ dan il-premju:

  • dak tal-kategorija xogħlijiet oriġinali għat-tfal bejn 8 u 12-il sena bil-ktieb “Jissokta l-każ tal-aħwa Saver u Ludmilla Demolizz” ta’ Clare Azzopardi b’illustrazzjoni ta’ Mark Scicluna
  • tal-kategorija tax-xogħlijiet tradotti għal trabi sa tfal ta’ 7 snin bil-ktieb “Magni taż-Żmien” ta’ Claudia Gauci
  • u l-ktieb ta’ Noel Tanti “Il-kulleġġ għall-prinċipijiet perfetti” fil-kategorija ta’ xogħlijiet tradotti għal tfal bejn 8 u 12-il sena.

Il-kittieb Stephen Lughermo rebaħ il-kategorija ta’ xogħlijiet oriġinali għal tfal bejn it-13 u s-16-il sena bil-ktieb “Jarmuk”, pubblikazzjoni ta’ Horizons Communications.

Fil-bidu tas-serata, Antonella Axisa u Mikhail Basmadjian qraw silta mill-ktieb rebbieħ tal-kategorija ta’ kotba għat-trabi sa tfal ta’ 7 snin tal-Premju Terramaxka 2017, “Il-Qtates ta’ max-Xatt“, ta’ Clare Azzopardi.