Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Il-Kap tal-PN Adrian Delia jasal Helsinki għall-Kungress tal-PPE

Il-Kungress se jsir fil-Fillandja u matulu jiġi elett il-kandidat għal President tal-KE

Għada filgħaxija, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia se jkun qed jindirizza lill-mexxejja tal-Partit Popolari Ewropew, inkluż Prim Ministri u Kapijiet tal-Oppożizzjoni, Membri tal-Parlament Ewropew u delegati oħra, waqt il-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew f’Helsinki, l-Fillandja.

Waqt dan il-Kungress, minbarra d-diskorsi u d-dibattiti, se jkun hemm l-elezzjoni għan-nomina ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea – elezzjoni bejn il-Ġermaniż Manfred Weber u l-Fillandiż Alexander Stubb. Aktar kmieni din il-ġimgħa, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ħabbar li se jkun qed jivvota għal Manfred Weber, li għal dawn l-aħħar erba’ snin kien il-Kap tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew fil-Parlament Ewropew.

Dan il-Kungress qed jitqies bħala wieħed importanti għaliex il-Partit Popolari Ewropew hu l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew, u għalhekk, min jiġi elett għan-nomina, jkollu ċans kbir li wara l-elezzjoni ta’ Mejju li ġej, jiġi elett bħala President tal-Kummissjoni Ewropea, u jieħu post Jean Claude Juncker.

Fost dawk li se jindirizzaw il-Kungress hemm ukoll l-eks Prim Ministru Malti Lawrence Gonzi.

Għal dan il-Kungress, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista se jkun akkumpanjat minn numru ta’ uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista, inkluż is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, s-Segretarju Internazzjonali Roselyn Borg Knight, u t-tliet MEPs tal-Partit Nazzjonalista David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech.

L-aħħar Kungress tal-Partit Popolari Ewropew sar f’Malta f’Marzu 2017.

Dan is-sit se jkun qed iwasslilkom l-aħħar aġġornamenti minn Helsinki, permezz ta’ kollegamenti mill-ġurnalist Darren Carabott u l-cameraperson Roberto Runza.