L-Aġenzija tal-Gvern Wasteserv ikkonfermat l-istorja li ppublikajna lbieraħ dwar kif l-impenn tar-residenti li jifirdu l-iskart ta’ djarhom f’ċerti ċirkostanzi qed isir għalxejn għax il-kontenut fil-boroż differenti qed jispiċċaw jitħalltu xorta waħda.
Fi stqarrija maħruġa aktar minn 24 siegħa wara l-istorja ppubblikata minn NETnews.com.mt, il-Wasteserv għażlet li twaħħal fir-residenti f’każ li jiġri dan. Fil-fatt, minflok ma spjegat li dan it-taħlit qed isir minħabba l-mod mgħaġġel biex l-iskema ddaħħlet fis-seħħ, l-Aġenzija tal-Gvern qalet li l-boroż qed jispiċċaw jintefgħu flimkien meta l-boroż differenti jinħarġu tard.
Skont il-Wasteserv, il-boroż qed jitħalltu biex ir-residenti ma jibqgħux b’boroż mimlija ma’ wiċċhom. Iżda dan ma seħħx meta l-Erbgħa li għadda, kien hemm min ħareġ il-borża s-sewda bi żball. Dakinhar, il-kolletturi ingħataw struzzjonijiet mill-Aġenzija tal-Gvern biex iħallu l-boroż suwed quddiem il-bibien tan-nies.
Issa, wara anqas minn ġimgħa mill-implimentazzjoni mgħaġġla tal-iskema, il-Wasteserv qalet li f’każ li l-boroż ma jinħarġux fil-ħin, il-boroż differenti se jkunu qed jitħalltu flimkien fi trakk wieħed tal-ġbir.
Din is-sitwazzjoni qed toħloq diżappunt fost dawk li qed jimpenjaw ruħhom biex jifirdu l-iskart kif mitluba għax jixtiequ jagħtu sehemhom b’risq ambjent aħjar. Iżda issa li waslet ukoll il-konferma mill-Wasteserv, li l-boroż qed jispiċċaw jitħalltu, dawn ir-residenti qed jippruvaw jifhmu x’importanza għad fadal fil-proċess tas-separazzjoni tal-iskart.
Wasteserv ma spjegatx lanqas x’qed jigri eżatt mill-boroż, ladarba dawn jaslu fil-Magħtab. Xi ħaġa li NET News qed jinvestiga bir-reqqa u se jkun qed jiżvela aktar fatti u dettalji ġodda fil-jiem li ġejjin.
Sadanittant, l-istorja ppubblikata lbieraħ minn NETnews.com.mt wasslet għal attakk mis-Sindku Laburista ta’ Ħaż-Żebbuġ Sarah Agius Saliba, li tiġi mart il-Kandidat Laburista għall-Parlament Ewropew Alex Saliba. Minflok ma wasslet l-ilment tar-residenti lill-awtoritajiet, bħalma għamilna aħna bl-istorja li rrappurtajna, is-Sindku Laburista allegat fuq Facebook li ma vverifikajniex il-fatti.
Minbarra l-fatt li dan ma kienx minnu, issa hu ċar li din l-istorja kienet ikkonfermata mill-Aġenzija tal-Gvern stess.
//= $special ?>