Internazzjonali

IL-KAŻ TAL-ĠURNALISTA KHASHOGGI: Il-qattiela suspettati setgħu ‘imxew mad-direttivi’

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tat-Turkija, Mevlut Cavusoglu, qal li skwadra ta’ 15-il Sawdi li kienet marret fit-Turkija ftit qabel il-qtil, fit-2 ta’ Ottubru, tal-ġurnalista Sawdi, Jamal Khashoggi, x’aktarx ‘li aġixxiet skont direttivi speċifiċi’.

Cavusoglu, li kien qed jitkellem fil-Ġappun, irrepeta li d-direzzjonijiet ‘ma ngħatawx mir-Re Salman tal-Arabja Sawdija’, iżda, hu sostna li kienet ir-responsabbiltà tal-Arabja Sawdija li tinforma lit-Turkija dwar x’seħħ mill-katavru ta’ Khashoggi.

Il-ġurnalista maqtul, li kien jikteb fil-Washington Post, kien kritiku kbir tal-Gvern tal-Arabja Sawdija u tal-Prinċep ( u effettivament mexxej) Mohammed bin Salman.

Intant, Khashoggi għeb meta kien mar fil-konsulat Sawdi f’Istanbul u wara l-uffiċjali Sawdi sostnew li l-ġurnalista ‘kien telaq mill-kumpless’, qabel ammettew li Khashoggi nqatel ‘f’azzjoni li huma ma kellhomx il-kontroll fuqha’. Ftit wara, il-prosekutur pubbliku Sawdi, Saud al-Mojeb, qal li l-ġurnalista kien inqatel f’attakk premeditat.

Il-President tat-Turkija,Tayyip Erdogan, ukoll talab lill-uffiċjali Sawdi biex jgħidu ‘min, f’Riyadh, bagħat l-iskwadra ta’ 15-il membru’ li hi suspettata fil-qtil ta’ Khashoggi.

Min-naħa tiegħu, Cavusoglu qal li Erdogan tkellem darbtejn mar-Re Salman wara l-qtil u li l-President Tork hu ‘ċert’ li Salman mhux se joħroġ ordnijiet għall-qtil ta’ persuna.

Filwaqt li l-uffiċjali Torok u Sawdi mexxew l-ispezzjonijiet tal-konsulat u r-residenza tal-konslu, Erdogan qed jgħid li xi uffiċjali tal-Arabja Sawdija għadhom qed jippruvaw jaħbu r-reat.

Dan meta t-Turkija qed tinsisti biex Riyadh jikkoopera lejn is-sejba tal-katavru ta’ Khashoggi, li, fi kliem il-Prosekutur ta’ Istanbul ‘spiċċa mqatta’ biċċiet’.