Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern irnexxielu jsaħħaħ is-sistemi tad-Demokrazija u s-Saltna tad-Dritt, tant li ħoloq u saħħaħ Uffiċċji li xogħolhom hu li jżommu lill-Gvern tal-ġurnata taħt skrutinju – bħall-Uffiċċju tal-Ombudsman, fost l-oħrajn.
Madankollu, illum taħt Gvern Laburista, qed naraw li dawn is-sistemi qed jiddgħajfu u għalhekk hu importanti li naraw kif id-Demokrazija u s-Saltna tad-Dritt jerġgħu jibdew jitgawdew mill-poplu kollu.
Din kienet il-pożizzjoni ta’ Delegazzjoni tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, li ltaqgħet mal-Kummissjoni Venezja fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa. Id-Delegazzjoni tal-Oppożizzjoni kienet magħmula mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Carm Mifsud Bonnici, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għar-Riforma Kostituzzjonali Chris Said u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Ewropej David Stellini.
Min-naħa l-oħra, id-Delegazzjoni Ewropea kienet immexxija mill-Ewwel Viċi President Herdis Kjerulf Thorgsdotteir. Preżenti wkoll għadd ta’ Uffiċjali responsabbli mill-Ġustizzja f’diversi pajjiżi Ewropej.
Il-Viċi President qalet li l-Kummissjoni Venezja tinsab kuntenta bil-ħidma li qed tagħmel l-Oppożizzjoni Nazzjonalista favur l-indafa fil-politika f’pajjiżna. Tenniet it-tama tagħha li din il-Kummissjoni tkun kapaċi twassal il-pariri meħtieġa għal Malta.
F’kumment lil NET News fi tmiem il-laqgħa, Carm Mifsud Bonnici qal li matul il-laqgħa, il-membri tal-Oppożizzjoni spjegaw fiċ-ċar il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista biex is-sitwazzjoni f’pajjiżna titjieb kemm jista’ jkun malajr.
Min-naħa tiegħu, Chris Said qal li matul il-laqgħa, l-Oppożizzjoni enfasizzat il-bżonn li wieħed jifhem li l-istituzzjonijiet qegħdin hemm biex jaqdu liċ-ċittadin u mhux lill-Gvern … kif qed jiġri f’pajjiżna.
U David Stellini qal li l-Partit Nazzjonalista ilu xhur itenni l-pożizzjoni tiegħu għar-riformi li għandha bżonn Malta.
Matul dawn il-jiem, id-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Venezja qed tiltaqa’ ma’ għadd ta’ entitajiet oħra, fosthom ma’ rappreżentanza tal-Gvern u fl-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, fost l-oħrajn.
U fi tmiem iż-żjara f’Malta, l-Venice Commission se tkun qed tagħmel rapport li janalizza l-funzjoni tal-istituzzjonijiet demokratiċi f’pajjiżna.
//= $special ?>