Lokali Qorti

Il-Qorti tappella biex jiddaħlu pieni għal min jaqsam bl-addoċċ

Sentenza ta' ħabs tinbidel fl-appell għal sentenza sospiża

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera illum tat sentenza importanti ħafna li fiha appellat lill-awtoritajiet f’pajjiżna sabiex jiddaħħlu il-Pedestrian Offences – liġijiet illi jpoġġu responsabbilta’ u pieni fuq min jaqsam bl-addoċċ.

F’appell li ingħata mill-Qorti, intqal ċar li għandu jkun hemm sanzjonijiet għal persuni li jagħżlu li jaqsmu minn punt partikolari, minkejja li jkun hemm zebra crossing fil-viċin.

L-imħallef kienet qed tagħti s-sentenza tagħha fil-każ ta’ raġel Tork residenti San Pawl il-Baħar illi s-sena li għaddiet kien ikkundannat 32 xahar ħabs u skwalifikat minn kull liċenzja tas-sewqan għal perjodu ta’ erba’ snin wara li nstab ħati li tajjar u b’mod involontarju qatel tifel Libjan ta’ 10 snin li kien qed jaqsam it-triq.

L-inċident kien seħħ fit-30 ta’ Mejju 2015 għall-ħabta tat-3:30pm fi Triq Sant’Andrija, is-Swieqi. B’rabta ma’ dan l-inċident, Fatih Pancar kien tressaq il-Qorti mixli li b’nuqqas ta’ tħaris tar-regolamenti tat-traffiku involontarjament ikkaġuna l-mewt ta’ Rodwan Aghil, li saq vettura tal-għamla Peugeot b’mod perikoluż u traskurat u b’sewqan eċċessiv.

Iżda issa fl-appell, il-Qorti bidlet id-deċiżjoni għal sentenza sospiża, filwaqt li appellat biex ikun hemm aktar għaqal min-nies li jkunu mexjin fit-toroq.

Għal Fatih dehru l-avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta.