Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, l-aktar ċelebrazzjoni tal-kultura tal-ktieb prestiġġjuża fil-gżejjer Maltin, jiftaħ il-bibien għall-pubbliku nhar l-Erbgħa 7 ta’ Novembru, u jibqa’ sejjer sal-Ħadd 11 ta’ Novembru. It-Tlieta, 6 ta’ Novembru, ikun hemm iċ-ċerimonja tal-ftuħ billi jitħabbru r-rebbieħa tal-Premju Terramaxka – kotba għat-tfal.
Kuljum fost il-ġimgħa waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jkun hemm programm immirat għall-istudenti, b’varjetà t’attivitajiet fosthom performances addattati skont l-età tal-istudenti, u mnebbħa minn kotba rebbieħa tal-Premjiu Terrramaxka tas-sena l-oħra.
Bħal dejjem, l-avveniment ewlieni mtella’ mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb huwa l-konferenza l-Erbgħa 7 ta’ Novembru, li dis-sena se tiffoka fuq il-letteratura tad-dijaspora bil-parteċipazzjoni ta’ erba’ mistiedna internazzjonali u lokali li lkoll esperjenzaw x’jiġifieri tgħix ’il bogħod minn pajjiżek imma xorta tikteb dwaru. l-ġurnalist u kittieb Teodor Reljić se jkun qed imixxi diskussjoni dwar id-diversi implikazzjonijiet ta’ kif ir-realtà tal-ispostament hi riflessa fil-letteratura. Il-mistiedna huma Lou Drofenik (Malta), Nikola Petković (il-Kroazja), Vera Duarte (Cabo Verde) u Philip Ò Ceallaigh (l-Irlanda).
Kull nofs siegħa filgħodu, u tul il-ħamest ijiem kollha tal-Festival, se jkun hemm attivitajiet varji.
Fl-istand ta’ Milan Haluska t-tfal għandhom iċ-ċans jiskopru l-letteratura Ċeka u Slovakka, famuża mad-dinja kollha.
Imbagħad mal-Birdlife se jaraw kif in-natura tista’ tispira l-kreattivitià billi jpoġġu wara xulxin stampi biex jiffurmaw storja u jirrakkuntawha.
Aktar tard waranofsinhar il-kittieba Clare Azzopardi se tmexxi sessjoni ta’ qari mill-ktieb tagħha ‘Is-Sħaħar ta’ Petut’ għal tfal li jattendu ċ-Ċentru Leap. Ideat għar-riċiklaġġ? L-Istand tal-Malta Libraries se jkun hemm sessjonijiet ta’ crafts ispirati mill-kotba, mill-karti u mit-tipa sabiex it-tfal jitgħallmu aktar dwar il-kotba u modi kreattivi ta’ kif jirriċiklaw il-karti.
L-Ambaxxata Franċiża se jkollha sehemha wkoll f’din l-ewwel ġurnata tal-Festival. Fl-istand tagħha se jkun hemm taħdita dwar il-micro-publishing u l-iżvilupp tiegħu fin-Normandija, b’enfasi fuq il-kwistjoni tad-distribuzzjoni. Jitnieda wkoll il-ktieb ‘Problem of the associative micro-edition: local anchoring in Normandy’.
Fit-tieni jum tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) jibda jippreżenta l-mistiedna internazzjonali ta’ din l-edizzjoni f’avvenimenti individwali.
Il-Ġimgħa 9 ta’ Novembru se jkun ippakkjat attivitajiet. Bla dubju wieħed m’għandux jitlef l-avveniment imtella’ mill-KNK, bil-mistiedna Naomi Klein, awtriċi u attivista magħrufa mad-dinja kollha b’kotba li kisru rekords ta’ bejgħ internazzjonalment. Naomi Klein se tkun qed titkellem mal-ġurnalist Matthew Vella dwar theddid eżistenzjali, bħaż-żieda fis-sħana globali, il-politiki neoliberali, u l-ekonomiji tad-diżastru.
Filgħodu, fil-11am, hemm seminar tat-traduzzjoni bejn ir-rumanzier, kittieb tal-esejs u traduttur Brittaniku Tim Parks u studenti tat-traduzzjoni u l-Ingliż flimkien mal-pubbliku ġenerali. Waranofsinhar il-KNK se jippreżenta lill-kittieb Michael Amherst, li hu l-awtur ta’ ‘Go Where your Blood Beats’, f’attività mtellgħa mal-MGRM (l-attivista internazzjonali u r-riċerkatriċi Ruth Baldacchino se tintervista lil Amherst). Il-kittieb u traduttur Irlandiż Philip Ò Ceallaigh se jkun qed jiddiskuti l-karriera tiegħu ma’ Maria Frendo (Università ta’ Malta), kemm bħala kittieb kif ukoll bħala traduttur ’il bogħod minn art pajjiżu.
Is-Sibt hija l-aktar ġurnata ppakkjata, b’aktar minn tletin attività. Dawk ewlenin huma l-intervista li se jagħmel Prof. Ivan Callus mar-rumanzier Tim Parks, avveniment li se jiddiskuti dak li ħalliet warajha l-ġurnalista u blogger Daphne Caruna Galizia kif ukoll il-kontroversji li ksew lil ħajitha, u l-premiere tal-film qasir ‘Camilla’, rebbieħ tal-Konkors Letterarju tal-KNK għall-Films Qosra.
Il-Ħadd hija l-aħħar ġurnata tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, b’għażla ta’ attivitajiet interessanti mtella’ mill-KNK, kif ukoll attivitajiet minn eżebituri varji. Pariah Press se jerġgħu jqajmu l-argument kontroversjali li kien qajjem Anthony Burgess waqt lekċer fl-Università ta’ Malta fl-1970. Huma se jniedu edizzjoni ġdida ta’ ‘L-Oxxenità fl-Arti’.
Il-pubbliku jista’ jattendi l-Festival Nazionali tal-Ktieb mingħajr inkwiet ta’ xejn: se jkun ipprovdut trasport b’xejn is-Sibt 10 u l-Ħadd 11 ta’ Novembru l-ġurnata kollha bejn l-istejġ tal-linja jisimha Publiju, qrib il-Monument tal-Indipendenza l-Furjana, u Dar il-Mediterran.
Il-vjaġġi se jsiru kull siegħa, u l-ewwel wieħed ikun mill-Furjana fid-9:15am is-Sibt u fit-8:15am il-Ħadd. L-aħħar vjaġġ minn Dar il-Mediterran jitlaq fl-22:30pm is-Sibt u fid-21:30 il-Ħadd.
//= $special ?>