Instabu ’il fuq minn 200 qabar tal-massa, b’eluf ta’ katavri, f’diversi zoni tal-Iraq li darba kienu kontrollati mit-terroristi tal-ISIS.
Il-membri tal-iskwadri tan-Nazzjonijiet Uniti kkonfermaw is-sejba makabra waqt investigazzjoni u wara li l-oqbra kienu indikati fl-inħawi ta’ Nineveh, Kirkuk, Salahuddin u Anbar, lejn it-Tramuntana u l-Punent tal-pajjiż.
Ir-rapport tan-NU, intant, ma jeskludix li dawn l-oqbra jista’ fihom sa 12,000 vittma tal-ISIS li kien ħataf bnadi sħaħ tal-Iraq, fl-2014 u impona stil brutali ta’ amministrazzjoni primittiva, fejn spiċċaw massakrati n-nies kollha li ‘diżapprovaw’ minnhom it-terroristi.
Il-ġellieda tal-ISIS, eventwalment, tkeċċew mill-inħawi li kienu jikkontrollaw fost l-attakki mill-qawwiet tal-ajru tal-Istati Uniti, appoġġjati minn qawwiet tal-Gvern Iraqi u l-milizji alleati. Madankollu fadal xi ‘zoni tar-reżistenza’ tal-ISIS f’ċerti bnadi tal-Iraq.
Intant, ir-rapport tan-NU jinnota li s-siti tal-oqbra jinkludu provi kruċjali li mhux biss jidentifikaw lill-vittmi iżda anki jgħinu biex il-prosekuturi jibnu l-każi għal proċessi dwar reati tal-gwerra; reati kontra l-umanità u, possibbilment, ġenoċidju.
Skont ir-rapport, sal-bieraħ kien hemm iddokumentati ‘biċ-ċert’ mal-202 oqbra tal-massa, fosthom 95 qabar f’Ninevah; 37 f’Kirkuk; 36 f’Salah al-Din u 24 f’Anbar. L-investigaturi jemmnu li hemm bejn 6,000 u 12,000 vittma midfunin fis-siti u li dawn jinkludu nisa, tfal, anzjani, ħaddiema barranin u truppi tal-Gvern Iraqi.
//= $special ?>

