Liverpool sofrew it-tieni telfa fi Grupp Ċ meta kienu sorpriżi minn Red Star Belgrade u tilfu 2-0 fis-Serbja. Kien MILAN PAVKOV li fetaħ l-iskor fit-22 minuta b’daqqa ta’ ras b’saħħitha minn korner. L-istess MILAN PAVKOV irdoppja seba’ minuti wara meta reġa’ għeleb lil Alisson din id-darba b’xutt mill-isbaħ minn barra l-kaxxa.
Fil-logħba l-oħra mill-istess grupp, Napoli u PSG spiċċaw fi draw ta’ 1-1 fi Stadio San Paolo biex b’hekk Napoli baqgħu mhux megħluba fi grupp li għadu miftuħ beraħ. PSG kienu fetħu l-iskor fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima bi kross ta’ Kylian Mbappe lejn JUAN BERNAT li żmarka ruħu u għeleb lil Ospina mill-qrib. Napoli ġabu d-draw fit-63 minuta meta r-referee Olandiż Kupiers ordna penalty għal fawl fuq Jose Callejon. Mill-11-il metru LORENZO INSIGNE għeleb lil Gianluigi Buffon li kien qed jirritorna fiċ-Champions League.
Barcelona waqqgħu l-ewwel punti tagħhom fi Grupp B bi draw ta’ 1-1 kontra Inter. Il-Katalani kellhom aktar pussess tul id-90 minuta u kellu jkun Samir Handanovic li ċaħħadhom diversi drabi. Huma dehru li se jiksbu r-rebħa meta marru fil-vantaġġ fit-83 minuta b’azzjoni personali ta’ MALCOM li kien għadu dieħel u b’xutt fil-baxx għeleb lil Handanovic. Iżda Inter wettqu reazzjoni immedjata u evitaw it-telfa erba’ minuti wara b’xutt ta’ Matias Vecino jkun parzjalment blokkat, bil-ballun jispiċċa għand MAURO ICARDI li ddefenda l-ballun u għadda l-ballun bejn saqajn ter Stegen.
Gowl ta’ Harry Kane fid-89 minuta ta l-ewwel rebħa lil Tottenham mill-istess grupp li għelbu lil PSV 2-1. L-Olandiżi kellhom bidu mill-aqwa meta marru fil-vantaġġ wara żewġ minuti b’daqqa ta’ ras ta’ LUUK DE JONG. HARRY KANE ġab id-draw fit-78 minuta b’xutt bix-xellug mill-kaxxa, biex 11-il minuta wara skorja l-gowl rebbieħ b’daqqa ta’ ras li kienet imxellfa ftit.
Minn Grupp A, Atletico Madrid pattew għat-telfa ta’ ġimagħtejn ilu b’rebħa ta’ 2-0 fuq Borussia Dortmund biex laħquhom fil-quċċata tal-grupp. SAUL NIGUEZ fetaħ l-iskor fit-33 minuta f’azzjoni maħduma tajba li fiha skorja b’xutt fil-baxx. ANTOINE GRIEZMANN għalaq il-logħba fit-80 minuta meta daħal fil-kaxxa u skorja b’xutt imkaxkar.
Monaco jinsabu huma matematikament eliminati li jgħaddu mal-aħħar 16, b’telfa f’darhom ta’ 4-0 kontra Club Brugge, biex minkejja li għadu fil-bidu, bdiet tikber il-pressjoni fuq il-kowċ Thierry Henry. HANS VANAKEN fetaħ l-iskor fit-12-il minuta, biex l-istess HANS VANAKEN irdoppja ħames minuti wara minn penalty. WESLEY għamilhom tlieta fl-24 minuta biex ħames minuti mit-tmiem RUUD VORMER issiġilla r-rebħa bir-raba’ gowl.
Minn Grupp D, Porto kisbu t-tielet rebħa fil-grupp u jinsabu f’xifer il-kwalifikazzjoni b’rebħa ta’ 4-1 fuq Lokomotiv Moscow. HECTOR HERRERA fetaħ l-iskor wara żewġ minuti biex MOUSSA MAREGA rdoppja fit-42 minuta. JEFFERSON FARFAN naqqas id-distakk fid-59 minuta, iżda JESUS CORONA reġa’ kiseb vantaġġ doppju għal Porto, biex OTAVIO għamilhom 4-1 fid-90 minuta.
Schalke kisbu rebħa importanti ta’ 2-0 fuq Galatasaray. GUIDO BURGSTALLER fetaħ l-iskor wara erba’ minuti biex fis-57 minuta MARK UTH irdoppja l-vantaġġ.
Riżultati
Grupp A – Atletico Madrid v Borussia Dortmund 2-0 , Monaco v Club Brugge 0-4
Grupp B – Inter v Barcelona 1-1 , Tottenham v PSV 2-1
Grupp Ċ – Napoli v PSG 1-1 , Red Star Belgrade v Liverpool 2-0
Grupp D – Porto v Lokomotiv Moscow 4-1 , Schalke v Galatasaray 2-0
//= $special ?>