Wara li f’dawn l-aħħar sentejn il-presepju Malti ntrama f’Pjazza San Pietru, fil-Vatikan, u fil-post fejn seħħet in-nattività ta’ Ġesù Bambin ġo Betleħem, din ix-xena artistika tan-Nattività sabet postha fl-entratura tal-Belt Ewropea tal-Kultura.
Kienu bosta l-Maltin u turisti li waqqfu jammiraw il-ġmiel ta’ dan il-presepju waqt żjara li għamilna f’Pjazza Tritoni fejn intervistajna ‘l-artist Għawdxi ta’ dan il-presepju, Manwel Grech, li kien mgħejun minn xi ħbieb tiegħu Rabtin. Huwa fisser kif din kienet ix-xewqa tiegħu li l-Maltin igawdu dan il-presepju f’art twelidhom u mhux fuq il-mezzi tax-xandir.
Il-kompożizzjoni b’kollox fiha 17-il pastur life-size tal-fibreglass u ħafna minnhom imlibbsin bin-newl. Fost ix-xeni li wieħed jilmaħ mill-pajsaġġ Malti fil-presepju, wieħed isib dar bil-gallerija bis-salib tal-Kavallieri, personaġġi lebsin l-ilbiesi tan-newl, luzzu bis-snajja’ tas-sajjieda madwaru, girna, mitħna u ħafna għodod li jinstabu f’irziezet lokali. Il-Maltin se jesperjenzaw ukoll xena tal-purċissjoni tal-Bambin ta’ Lejlet il-Milied u lil San Ġorġ Preca, li ntroduċa din il-purċissjoni lill-membri tal-M.U.S.E.U.M.
//= $special ?>