Ambjent Lokali

Skejjel Primarji jiċċelebraw is-suċċess fil-ħidma biex iqarrbu lit-tfal lejn in-natura

91 Skola Primarja, mifruxin madwar Malta u Għawdex, iċċelebraw il-kisbiet eċċezzjonali li għamlu fil-ħidma biex iqarrbu lit-tfal lejn in-natura bil-programm Dinja Waħda, imtella’ minn BirdLife Malta fl-Iskejjel.

Wara s-suċċess tal-Premijiet tas-Sekondarja, li tqassmu ftit tal-ġimgħat ilu, il-kisbiet tal-Iskejjel Primarji fl-aħħar sena skolastika kienu rikonoxxuti waqt iċ-ċerimonja tat-tqassim tal-premjijiet tal-programm għall-Primarja, fil-Palazz tal-President.

60 Skola rċievew il-Gold Award, żewġ Skejjel ingħataw is-Silver Award, tmien Skejjel ġew ippremjati bil-Bronze Award u 21 Skola ngħataw iċ-Ċertifikat. 38 Skola żammew il-Blue Banner wara li rebħu l-Gold Award u sitt Skejjel oħra ngħataw għall-ewwel darba l-Blue Banner wara li rebħu l-Gold Award għal tliet snin konsekuttivi.

Il-premjijiet tqassmu lill-Iskejjel mill-President, akkumpanjata mill-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana, l-Education Manager ta’ BirdLife Malta Sarah Brady u Charles Azzopardi, Executive PR & Marketing tal-Bank of Valletta. Preżenti kien hemm rappreżentanti tal-Iskejjel kollha li pparteċipaw, fosthom Studenti, Għalliema u Kapijiet ta’ Skejjel flimkien ma’ Uffiċjali Edukattivi oħrajn.

F’diskors tal-okkażjoni, Marie Louise Coleiro Preca faħħret dan il-programm u l-persuni nvoluti għall-kontribut tagħhom fil-programm. Minbarra li ċċelebrat is-suċċess tal-involviment tal-Iskejjel matul l-aħħar sena skolastika, iċ-ċerimonja mmarkat ukoll il-bidu ta’ sena 2018-19 għal dan il-programm.

L-inizjattiva Dinja Waħda qed isir bil-kollaborazzjoni mad-Direttorat għall-Kwalità u l-Istandards fl-Edukazzjoni, bl-appoġġ tal-Bank of Valletta. Il-programm ilu għaddej aktar minn 20 sena.