Lokali Unjoni Ewropea

FILMAT: “Ejjew nipproteġu s-suċċessi ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea”

Adrian Delia jindrizza lill-Mexxejja Ewropej fil-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew f'Helsinki

“Malta illum hi ħafna aktar b’saħħitha u kburija biha nnifisha, grazzi għall-esperjenza sabiħa bħala membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea”, dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt li kien qed jindirizza l-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew f’Helsinki, il-Fillandja.

Adrian Delia appella lill-eluf ta’ partecipanti, fosthom Kapijiet ta’ Stati u Mexxejja Ewropej, biex flimkien, jipproteġu dak li nbena matul is-snin li għaddew. Hu sostna li f’ dawn l-14-il sena minn meta Malta saret membru tal-Unjoni Ewropea, l-istess partit li ħolom u ħadem fuq dik il-viżjoni – il-Partit Nazzjonalista – illum qiegħed hawn biex jipproteġi dawn is-suċċessi.

Adrian Delia għamel appell għall-ispirtu Ewropew, li jindirizza problemi li qegħdin jolqtu lill-Maltin fil-laħam il-ħaj. “Jien qiegħed nisma’ kontinwament lin-nies fit-toroq, fil-postijiet tax-xogħol, u fid-djar tagħhom. Ejja naqsam magħkom xi jħossu n-nies f’Malta dwar l-Ewropa. Il-Maltin iħossu li l-Ewropa trid tkun aktar preżenti f’sitwazzjonijiet li jagħmlu differenza verament. Fejn is-soluzzjonijiet ma jiġux minn pajjiż wieħed biss”, stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Fl-appell tiegħu dwar l-immigrazzjoni, Adrian Delia stqarr li l-poplu Malti ma jistax jifhem kif żewġ pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, l-Italja u Malta, jispiċċaw jargumentaw fuq vapur li jkollu abbord nies li jkunu qegħdin jaħarbu minn żoni ta’ gwerra u persekuzzjoni. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella li hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea tirrevedi l-pjan għall-immigrazzjoni.

“L-immaniġġjar tal-immigrazzjoni tikwieta ħafna lill-poplu Malti. Aħna nemmnu f’Ewropa li tista’ tindirizza b’mod konkret l-isfida tal-immigrazzjoni kollettivament u b’mod koordinat”, stqarr Adrian Delia.

Adrian Delia ħares ukoll lejn is-settur tax-xogħol, u l-viżjoni ta’ Malta żagħżugħa, partikolarment lejn ir-robotika, l-blockchain, l-artificial intelligence, u oħrajn: “Irridu naħsbu dwar l-impjiegi, talenti għall-ġenerazzjonijiet ġejjiena, u kif dawn jistgħu jiksbu revoluzzjoni diġitali li jġibu l-benefiċċji lejn is-soċjeta'”, stqarr Adrian Delia.

Quddiem il-Mexxejja Ewropej, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li kull individwu fis-soċjeta’ għandu jkollu d-dinjita’ – f’dik li hu ilu jaħdem dwarha f’Malta, il-viżjoni ta’ soċjeta’ li jimpurtaha.

Fl-aħħar tad-diskors tiegħu, u lejliet li l-Mexxejja Ewropej jagħżlu l-kandidat li se jikkontesta f’isem il-Partit Popolari Ewropew biex ikun il-President tal-Kummissjoni Ewropea, qal li hemm bżonn li l-Partit Popolari Ewropew ikun viċin in-nies biex jikseb riżultati tajbin fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Mejju li ġej.

Ritratti: Roberto Runza